Lokali

Il-Gvern jiċħad li l-Għarabja Sawdita qatgħet ir-relazzjonijiet ma’ Malta

Il-Gvern permezz ta’ stqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ, irrefera għal rapport li deher fuq il-website ta’ fox-news24.com intitolat, ‘L-Għarabja Sawdita qatgħet ir-relazzjonijiet ma’ Malta minħabba li issimpatizzat mal-Qatar’.

Il-Ministeru b’mod kategoriku ċaħad li l-Għarabja Sawdita qatgħet ir-relazzjonijiet ma’ Malta, tant li dawn ir-relazzjonijiet għadhom b’saħħithom bħal dejjem.

Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ ċaħad ukoll b’mod qawwi li l-Ministru Carmelo Abela għadda xi rimarki li rrapporta fox-news24.com jew xi rimarki oħra dwar is-sitwazzjoni li tikkonċerna lill-Għarabja Sawdita u l-Qatar.

Bħalissa l-Qatar jinsab f’tilwima ma’ ħafna mill-pajjiżi ġirien tiegħu, immexxija mill-Għarabja Sawdita li qed jgħidu li dan l-istat ċkejken tal-Golf qed jagħlaq għajnejh għal dawk li jiffinanzjaw it-terroriżmu. Madankollu, l-Qatar qed jiċħad din l-akkuża.