Lokali

FILMAT: Jum il-missier; “apprezzaw lill-għeżież tagħkom”

Illum id-dinja tfakkar Jum il-Missier – il-ġurnata li fiha l-ulied jiftakru fil-missirijiet tagħhom u r-rwol speċjali li dan għandu f’ħajjithom.

Hafna jkunu dawk li llum jagħżlu li jqattghu iktar ħin mal-missirijiet tagħhom b’uħud jagħżlu li jiċċelebraw dan il-jum b’ikla speċjali f’nofsinhar flimkien ma’ dawk l-iktar għeziez  għalihom.

Dawk li għandhom il-missirijiet tagħhom f’xi dar tal-anzjani ilhom jagħmluha punt li jżuruhom u jqattgħu magħhom dan il-jum iddedikat lill-missirijiet. L-istess jagħmlu dawk li missirijiethom bħalissa jinsabu rikoverati l-isptar.

Jum il-Missier inissel dieqa għal dawk li tilfu lil missirijiethom. Illum ħafna sellmu l-memorja ta’ missirijiethom fiċ-ċimiterju billi poġġew jfuri fuq il-qabar tal-għeżież tagħhom.

Spikkaw ukoll il-messaġġ fuq facebook, fejn ħafna nies li tilfu lil missierhom, fakkru lil dawk li missierhom għadu ħaj biex japprezzaw lill-għeżież tagħhom.

Jekk dan il-jum inissel dieqa f’dawk lil tilfu lil missirijiethom, zgur li jnissel ferħ għal dawk li llum saru missirijiet għall-ewwel darba. Dan il-jum għandu sinifikat doppju għal dawn il-missirijiet li se jħaddnu f’idejhom għall-ewwel darba lill-ewwel wild tagħhom.

Jum speċjali għal dawk li għażlu li jkunu missirijiet wara li ffosterjaw jew jaddottaw lit-tfal tagħhom.