Alfred Grixti, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, attakka lill-Arcisqof u qallu li hu parti minn dik li sejjaħ bħala l-koalizzjoni ta’ konfużjoni li tikkritika biss lill-Partit Laburista.
Alfred Grixti qal dan f’kumment fuq Facebook b’reazzjoni għall-kumment tal-Arcisqof lill-gazzetta The Sunday Times of Malta fejn qal li l-assassinju tal-karattru u l-attentati ta’ intimidazzjoni m’għandhomx post fid-demokrazija.
L-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna ta kumment lis-Sunday Times of Malta b’reazzjoni għal kliem mimli insulti li l-eks-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union, Tony Zarb, għadda fil-konfront ta’ tliet Membri Parlamentari Ewropej.
F’artiklu, is-Sunday Times of Malta tikkwota lill-Arċisqof jgħid li l-hate speech, jiġi minn fejn jiġi, mhux xieraq għal persuni adulti li jkunu qed jiddibattu kwistjonijiet ta’ importanza nazzjonali.
L-Arċisqof qal li d-demokrazija qatt ma tkun servuta b’attentati ta’ asassinju tal-karattru u ta’ intimidazzjoni tal-oħrajn.
Fil-jiem li għaddew Tony Zarb, li hu attivist tal-Partit Laburista, għamel attakki u insulti kontra l-MEP’s Roberta Metsola u David Casa u fost kliem dispreġġjattiv ieħor għajjarhom “tradituri” u “ġakbini”.
Tony Zarb attakka wkoll lil Werner Langen, iċ-Chairman tal-Kumitat Pana, il-Kumitat tal-Parlament Ewropew li qed jinvestiga l-iskandlu tal-Panama Papers wara li fil-Parlament Ewropew kien hemm dibattitu dwar is-saltna tad-dritt f’Malta.
Sadattant, l-Arcisqof qal li jingħaqad mal-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca fl-appell biex kulħadd jaġixxi ma’ ħaddieħor b’mod ċivili u matur.
//= $special ?>