Lokali

L-ewwel liġi li se titressaq fil-Parlament hi dik dwar iż-żwieġ indaqs

Il-Prim Ministru qal dan dalgħodu f'kollegament bit-telefon fuq One Radio

L-ewwel liġi li se titressaq fl-ewwel seduta Parlamentari ta’ din il-leġislatura nhar it-Tnejn 26 ta’ Ġunju se tkun l-Abbozz ta’ Liġi dwar iż-żwieġ indaqs u l-mandat tal-Gvern hu li din il-liġi tkun approvata mill-Parlament sal-waqfa tas-Sajf.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar dan waqt intervent qasir li għamel fuq One Radio.

Hu qal li fil-jiem li għaddew wara li kien diġa’ iltaqa’ l-Kabinett, kellu wkoll laqgħa mal-membri parlamentari dwar il-programm ta’ xogħol tal-Gvern. Hu qal li l-pajjiż wara ċ-ċelebrazzjonijiet tar-rebħa elettorali, issa irritorna għan-normalità u dan juri l-maturità tal-pajjiż.

Hu qal li wara t-tnaqqis fir-rata tax-xogħol matul il-kampanja elettorali issa x-xogħol qed jerġa’ jirranka u qal li saru laqgħat biex jiġu aktar investimenti lejn pajjiżna.

Hu qal li hu sodisfatt bl-ewwel laqgħa tal-Kabinett li fih taħlita tajba ta’ enerġija.

Hu fakkar li nhar it-Tlieta 20 ta’ Ġunju se jsiru l-elezzjonijiet każwali fid-distretti li ċedew il-kandidati tal-Partit Laburista li telgħu minn żewġ distretti u skont hu se jkun hemm team b’saħħtu ħafna biex imexxi ’l quddiem l-aġenda ambizzjuża tal-Gvern. Fakkar li s-Sibt li ġej jiftaħ il-Parlament b’mod formali bid-diskors tal-President ta’ Malta u t-Tnejn jibda’ jiltaqa’ l-Parlament.

Joseph Muscat qal li l-estimi ta’ diversi entitajiet jridu jkunu approvati sal-aħħar ta’ Ġunju u qal li l-Gvern talab lill-Oppożizzjoni biex dawn id-dibattitu jkunu miftruxa fuq Ġunju u Lulju u qal li jekk l-Oppożizzjoni ma taqbilx jkunu jridu jsir tliet seduti kuljum  sal-aħħar ta’ Ġunju.