Il-qawwiet tal-Iraq bdew assalt fuq it-terroristi tal-ISIS li qegħdin jiddefendu pożizzjonijiet fil-Belt l-Antika ta’ Mosul. Magħruf, intant, li d-distrett inkwistjoni hu l-aħħar kwartier ta’ Mosul li għadu kkontrollat mit-terroristi.
Il-qawwiet speċjali tal-Gvern Iraqi kienu qed javvanzaw fuq dan id-distrett mill-inħawi tal-Punent, bil-pulizija federali jiftħu ‘front ieħor’ għal kontra l-ISIS lejn in-nofsinar ta’ Mosul.
In-Nazzjonijiet Uniti taħseb li għad fadal sa 100,000 ċivili maqbudin fil-Belt l-Antika ta’ Mosul li hi ffullata bin-nies u fost l-appelli biex dawn ir-residenti ‘jaħarbu mill-inħawi jekk ikunu jistgħu’.
Dan meta r-residenti li rnexxielhom jaħarbu minn dik iz-zona rrakkuntaw dwar ‘il-konduzzjonijiet iddisprati fl-inħawi ta’ Mosul li huma kontrollati mill-ISIS’ u meta jidher li ħafna min-nies fil-Belt l-Antika qed jispiċċawlhom il-provvisti tal-ikel u l-ilma.
Sorsi qrib tal-ISIS, intant, qalu li t-terroristi, fl-aħħar sigħat, waqqfu lit-truppi Iraqqin milli javvanzaw għal ġo neighbourhood ta’ Mosul — bl-ISIS, imbagħad, ‘jieħdu l-inizjattiva biex jattakkaw’ xi pożizzjonijiet tal-pulizija federali.
Il-qawwiet Iraqqin, fl-istess ħin, qalu li ma jafux in-numru eżatt tal-militanti tal-ISIS li għadhom jiddefendu lill-Belt l-Antika ta’ Mosul.
//= $special ?>