Lokali

Malta bl-ogħla taxxi u sisa fuq il-Petrol

Malta għandha l-ogħla rata ta’ taxxi u sisa fuq il-petrol fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea bl-ammont ta’ 56 ċenteżmu fuq kull litru ta’ taxxi u sisa.

Dan joħroġ minn informazzjoni ippubblikata mill-Kummissjoni Ewropea dwar il-prezzijiet għall-konsumatur tat-taxxa u sisa fuq il-prodotti tal-petrol fil-Weekly Oil Bullettin li kien ippubblikat fit-12 ta’ Ġunju.

Il-prezz medju tat-taxxi u s-sisa fuq il-prezz tal-petrol fit-28 pajjiż tal-UE hu 48 ċenteżmu li jfisser tmien ċenteżmi inqas milli huma f’Malta.

It-taxxa u s-sisa fuq il-prezz tad-diesel f’Malta huma ta’ 53 ċenteżmu filwaqt li l-prezz medju tat-taxxa u s-sisa fl-UE hu ta’ 48 ċenteżmu.

Għalhekk fil-każ tad-diesel, il-prezz f’Malta hu wkoll ogħla mill-medja tal-UE imma mhux l-ogħla fost il-pajjiżi kollha tal-UE. Hemm tliet pajjiżi tal-UE li huma d-Danimarka, l-Estonja u l-Greċja fejn il-prezz tat-taxxi u s-sisa fuq id-diesel huma ogħla minn dawk f’Malta.

Alfred Farrugia, il-President tal-Club Awtomobilistiku ta’ Malta fi stqarrija staqsa għaliex il-kumpanija Enemed hi f’pożizzjoni li ġġib prezz aktar kompetittiv għad-diesel imma mhux għal petrol. Hu staqsa jekk dan hux minħabba li fil-każ tad-diesel hemm żewġ importaturi oħra privati, għalkemm dawn xorta jżommu l-istess prezz ta’ Enemed?

Alfred Farrugia staqsa kemm qed tagħmel qligħ l-Enemed fuq il-bejgħ tal-petrol u kemm se titħalla tikser Artiklu 37 tat-Trattat dwar il-Funzjoni tal-Unjoni Ewropea (TFEU) bil-monopolju tagħha fis-settur tal-petrol.

Il-President tal-Club Awtomobilistiku ta’ Malta qal li jittama li l-Ministru l-ġdid responsabbli mill-Enerġija jidħol f’din il-kwistjoni u jieħu passi biex il-monopolju u l-pożizzjoni dominanti tal-Enemed fis-settur tal-petrol tkun indirizzata.

Hu qal li m’hemm l-ebda raġuni għaliex il-konsumaturi Maltin għandhom ikunu l-agħar fl-Ewropa f’dak li hu x-xiri tal-petrol f’Malta.

Alfred Farrugia staqsa f’liema pajjiż membru tal-UE l-konsumaturi jinżammu fid-dlam dwar liema brand ta’ petrol qed jixtru u m’għandhomx għażla fix-xiri tal-pterol? Hu qal li dan mhux dak li 13-il sena ilu il-konsumaturi ivvutaw għalih meta ivvutaw biex nissieħbu fl-Unjoni Ewropea. Hu staqsa kemm se jdumu il-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew biex jaraw jekk il-Gvern Malti hux konformi mat-Trattat dwar il-Funzjoni tal-Unjoni Ewropea.

Hu temm li l-konsumaturi Maltin mhumiex ċittadini tal-UE tat-tieni klassi u għalhekk m’għandhomx ikunu trattati hekk, la mill-gvern tagħhom stess u lanqas mill-istituzzjonijiet tal-UE.

Tags