Futbol Sport

Tazza tal-Konfederazzjonijiet: Hector Moreno jċaħħad lill-Portugiżi minn rebħa

Hector Moreno jiċċelebra ma' sħabu wara li skorja l-gowl tad-draw

Gowl lejn tmiem il-partita tal-akkwist il-ġdid ta’ Roma Hector Moreno, ċaħħad liċ-Champions Ewropej il-Portugall mill-ewwel rebħa fi Grupp A, meta spiċċaw 2-2 f’logħba missielta li fiha r-riżultat seta’ jmur kull naħa.

Bla dubju ta’ xejn, l-aktar li jispikka minn din il-partita hi l-episodju tal-ewwel taqsima li fiha l-Portugall kellhom gowl imħassar wara l-konsultazzjoni tal-VAR li hi r-regola ġdida li bdiet dieħla dan l-aħħar biex jekk ikun hemm deċiżjonijiet dubjużi tkun konsultata r-replay.

It-tim ta’ Fernando Santos kienu għoddhom fetħu l-iskor fil-21 minuta. Kien free-kick ta’ Cristiano Ronaldo li ħabat mal-wieqfa, il-ballun spiċċa għand Joao Moutinho li għolla l-ballun ‘il quddiem, Pepe niżżel lil Ronaldo li stampa l-wieqfa, bil-ballun jispiċċa għand Andre Gomes li għeleb lil Ochoa b’konklużjoni fil-baxx. Il-Portugiżi bdew jifirħu iżda r-referee kellu jikkonsulta mal-video referees li kkonfermaw il-pożizzjoni offside ta’ Pepe.

Madankollu l-Portugall fetħu l-iskor fil-35 minuta meta kien Cristiano Ronaldo li ħa vantaġġ minn indeċiżjoni fid-difiża avversarja, u minn nofs il-grawnd baqa’ dieħel fil-kaxxa, fejn kien issikkat minn tliet difensur. Iżda b’passaġġ intelliġenti, qata’ lid-difiża Messikana fejn sab lil Ricardo QUARESMA li b’kalma qabeż lil Ochoa u skorja f’lasta vojta.

Il-Messiku wettqu reazzjoni u ġabu d-draw fit-42 minuta meta Carlos Vela ħa vantaġġ minn żball ta’ Raphael Guerrero u krossja għan-nofs fejn sab lil Javier Hernandez li kien pront u b’daqqa ta’ ras b’saħħitha għeleb lil Rui Patricio.

Iċ-Champions Ewropej dehru li skorjaw il-gowl tar-rebħa fis-86 minuta meta s-sostitut Gelson krossja fil-baxx mil-lemin, il-ballun spiċċa għand Cedric SOARES li b’xutt imxellef mill-kaxxa għeleb lil Ochoa.

Iżda kien għad fadal ħin għal Messiku biex isalvaw il-logħba. Kien proprju fit-92 minuta meta minn korner mix-xellug, Hector MORENO għola tajjeb fuq Josè Fonte u b’daqqa ta’ ras mill-viċin għeleb lil Rui Patricio.