Futbol Sport

Tazza tal-Konfederazzjonijiet: Iċ-Ċili jirbħu b’żewġ gowls lejn it-tmiem

Arturo Vidal jiċċelebra ma' sħabu wara li fetaħ l-iskor (Ritratt: EPA)

Iċ-Ċili fetħu Grupp B b’rebħa meritata ta’ 2-0 fuq il-Kamerun. Minkejja l-wirja tajba taċ-Ċileni, din il-logħba se tibqa’ popolari minħabba l-kontroversji tal-VAR hekk kif tħassar u ġie kkonvalidat gowl b’din l-introduzzjoni tat-teknoloġija l-ġdida.

Iċ-Champions tal-Amerika ta’ Isfel kienu għoddhom fetħu l-iskor fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima meta Arturo Vidal qassam tajjeb fl-ispazju lil Eduardo Vargas li qabbeż fuq il-gowlkiper Ondoa.

Dan wassal għal ċelebrazzjoni twila mill-plejers Ċileni, li iżda twaqqfet hekk kif ir-referee Skomina rċieva indikazzjoni mill-video referees li wara li raw ir-replay, iddeċidew li jħassru l-gowl għal pożizzjoni millimetrika ta’ offside ta’ Vargas.

Fit-tieni taqsima, iċ-Ċili komplew ikunu aħjar mill-avversarji iżda ma bdewx jirnexxielhom jiskorjaw. Il-kowċ nazzjonali Juan Antonio Pizzi għażel li jdaħħal lil Alexis Sanchez fit-58 minuta u l-plejer ta’ Arsenal spiċċa biex kien determinati.

Dan għaliex kien strumentali fir-rebħa. Iċ-Ċili fetħu l-iskor fit-82 minuta meta Sanchez krossja mix-xellug fejn sab lil Arturo VIDAL pront li b’daqqa ta’ ras b’saħħitha għeleb lil Ondoa.

Iċ-Ċileni għalqu l-logħba fit-92 minuta meta Sanchez għeleb in-nasba tal-offside, avvanza, qabeż lil Ondoa, iżda x-xutt kien salvat minn difensur, b’Eduardo VARGAS jiskorja. Iżda hekk kif kien se jibda ċ-ċelebrazzjoni, ir-referee Skomina ħassar il-gowl u reġa’ kien qed jiddiskuti dwar suspett ta’ offisde ta’ Sanchez, iżda wara l-konsultazzjoni għażel li jikkonvalida l-gowl.