“Xejn ma hu se jwaqqafna milli nitkellmu, milli niddefendu s-sewwa għall-ġid ta’ pajjiżna.”
Saħqet dan Kristina Chetcuti f’artiklu bit-tema What we Started fil-ġurnal The Sunday Times.
Kristina Chetcuti qalet li minn issa ‘l quddiem il-poplu mhux se jibqa’ iktar jittollera l-gideb jew politiċi miż-żewġ naħat tal-kamra li jaħsbu li huma ‘l fuq mil-liġi.
Hija fakkret li dawk li ma għadhomx jaċċettaw il-gideb mhux se jiġu mwaqqfa milli jitkellmu. Tenniet li n-numru ta’ nies li jridu jingħaqdu mal-kawża għal politika nadifa żdied minn wara r-riżultat elettorali tant li kienu ħafna dawk li offrew l-għajnuna tagħhom lill-partit.
Kristina Chetcuti tkellmet dwar l-esperjenza personali tagħha meta għexet mill-viċin il-kampanja elettorali. Hija qalet li għażlet li tkun parti minn din il-kampanja għax emmnet bi sħiħ li persuni fil-politika għandhom iħaddnu l-valuri tal-integrita’ u l-onesta’.
Hija qalet li, minkejja r-riżultat elettorali, tħossha kburija li kienet parti mill-Forza Nazzjonali u llum tista’ tħares f’għajnejn it-tfal u tgħid bi kburija li kienet parti minn ġlieda kontra l-korruzzjoni u kontra l-attitudni ta’ ‘mhux xorta?’
Hija kompliet tgħid li r-riżultat wassal għar-riżenji għax dak huwa li tagħmel persuna li temmen fil-governanza tajba – kuntrarju għal min jagħżel li jidħak quddiem l-azzjonijiet illegali ta’ sħabu.
Ikun min ikun il-Kap tal-PN, tkompli Kristina Chetcuti, żgur li ma nistgħux noqogħdu b’ħalqna magħluq. Kulħadd għandu rwol x’jaqdi biex jopponi dak li huwa inaċċettabbli f’kull pajjiż ieħor tal-UE.
//= $special ?>