Lokali

FILMAT U RITRATTI: Ħmieġ fil-baħar f’diversi bajjiet madwar Malta

Irqajja’ kbar ta’ ħmieġ u ragħwa dalgħodu ddominaw diversi żoni tal-baħar fil-kosta tal-lvant ta’ Malta, fosthom fiż-żona tal-Port il-Kbir, Tas-Sliema, San Ġiljan, San Pawl il-Baħar, l-Għadira u anke Marsaskala. Hekk kif is-sħana bdiet tagħmel f’tagħha, diġà kien hemm għexieren ta’ persuni li qed iżuru dawn il-bajjiet. Madankollu, dan il-ħmieġ qed joħloq problemi għall-għawwiema Maltin u anke turisti.

Min-naħa tagħha, l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ikkonfermat il-każ fi stqarrija u qalet li ilha xhur li kkummissjonat proċess ta’ monitoraġġ u investigazzjoni għall-ħmieġ qawwi li nstab mal-kosta.

L-ERA qalet li dak li seħħ fl-aħħar sigħat ilu jiġi osservat fil-Mediterran u hu maħsub li hu relatat mal-fenomeni naturali fil-baħar, bħall-bio-aġenti. L-Awtorità qalet li se tkompli żżomm kuntatt ma’ awtoritajiet f’pajjiżi oħrajn.

F’dan l-istadju, l-ERA temmet tgħid li għalissa għadha mhix f’pożizzjoni li tikkonkudi l-investigazzjonijiet jew tikkumenta, hekk kif għadha qed tistenna l-konkluzjonijiet tar-riżultati b’aktar informazzjoni dwar il-każ.

Għandek xi ritratti? Ibgħatilna fuq news@netmedia.com.mt