Internazzjonali

Franza: It-triq miftuħa għar-riformi tal-President Macron

 

Il-President ta’ Franza, Emmanuel Macron, qed jiċċelebra rebħa konvinċenti fl-aħħar round tal-elezzjonijiet għall-Parlament li, fost oħrajn, tagħtih mandat ċar biex jimplimenta varjetà ta’ riformi soċjali u ekonomiċi.

Mat-tliet kwarti tal-membri tal-Assemblea Nazzjonali huma membri ġodda filwaqt li 223 fost il-577 deputati eletti huma nisa, li hu rekord għall-pajjiż.

Il-Partit Le Republique en Marche (LREM) ta’ Macron rebaħ 308 siġġijiet fil-Parlament bi 43 fil-mija tal-vot, iżda l-konkorrenza tal-votanti finali ( ta’ 42.64 fil-mija) kienet waħda baxxa rekord għall-pajjiż modern ta’ Franza.

Il-Partit LREM, flimkien mal-alleati tal-Partit taċ-ċentru, MoDem, qed jiffurmaw koalizzjoni ta’ 350 siġġu fil-Parlament li hu ferm aktar mill-289 meħtieġa għall-kontroll tal-Assemblea Nazzjonali.

Ir-riżultat tal-elezzjoni – li kien, ftit jew wisq, mistenni — ifisser li l-kamra t’isfel tal-Parlament Franċiż qed tkun amministra minn partit (ta’ Macron) li ilu mwaqqaf biss minn April tal-2016. Intant, il-mandat hu dak li xtaq il-President Franċiż, li issa jista’ jibda jixpruna l-programm tiegħu għal riforma wiesgħa.

L-osservaturi, intant, qalu li filwaqt li l-maġġoranza kbira favur Macron għandha tneħħilu diversi ostakli, din, fl-istess ħin, ‘għandha wkoll iżżid l-aspettativa tal-poplu’.

Dan meta l-elementi politiċi antiki fl-Assemblea Nazzjonali, illum, qed jirriflettu l-bidla qawwija taż-żmenijiet, fejn il-grupp taċ-ċentru-lemin, immexxi mir-Repubblikani, irnexxielu jtella 137 deputat, filwaqt li s-Soċjalisti (li qed jispiċċaw mill-Gvern) huma rappreżentati biss minn 44 deputati.