Futbol Sport

Gwerra bejn l-aġent ta’ Donnarumma u Milan

Bħalissa għaddejja gwerra ta’ kliem bejn l-aġent tal-gowlkiper ta’ Milan Gianluigi Donnarumma, Mino Raiola u l-klabb tiegħu wara li matul il-ġimgħa li għaddiet iż-żagħżugħ Taljan iddeċieda li ma jġeddidx il-kuntratt tiegħu mar-Rossoneri.

Nhar il-Ħamis li għadda ħarġet l-aħbar li Donnarumma mhux se jġedded il-kuntratt tiegħu ma’ Milan. Dan kien imħabbar mill-istess AC Milan permezz tal-Amministratur Marco Fassone li ta konferenza tal-aħbarijiet wara li kellu laqgħa ma’ Raiola.

Il-kuntratt ta’ Donnarumma ma’ Milan jiskadi f’Ġunju tas-sena d-dieħla. Minkejja li għad għandu biss 18-il sena Gianluigi Donnarumma hu meqjus fost l-aqwa gowlkipers tad-dinja u bi prospetti sbieħ għal karriera brillanti. Fassone qal li għaxart ijem ilu Milan offrew kuntratt ta’ ħames snin lil Donnarumma, kuntratt b’salarju ta’ ħames miljun ewro kull staġun.

Fassone qal li hu u Mirabelli għamlu minn kollox biex iżommu lil Donnarumma ma’ Milan, iżda jidher li dan tal-aħħar kellu ħsibijiet oħra. Fassone temm jgħid li Milan jinsabu ferm diżappuntati dwar dan. Intant issa jkomplu jikbru l-ispekulazzjonijiet dwar il-futur ta’ Donnarumma fejn qed jingħad li wara din id-deċiżjoni hemm Real Madrid li jidher li diġa’ laħqu ftehim finanzjarju aħjar mal-plejer.

Fil-passat Milan kienu heddew lil Donnarumma li jekk ma jġeddidx il-kuntratt huma kienu lesti li jneħħu mill-iskwadra lil Donnarumma u jħalluh staġun barra mit-tim sakemm jiskadi l-kuntratt.

Din il-mossa iżda tista’ tiswa lil Milan somma kbira ta’ flus għaliex fi tmiem l-istaġun li ġej Donnarumma jkun jista’ jingħaqad ma’ min irid mingħajr il-ħlas tat-trasferiment. Dan jista’ jwassal biex Milan jippruvaw ineħħu lil Donnarumma dan is-sajf stess. Donnarumma, li għad għandu 18-il sena hu meqjus bħala l-eredi tal-gowlkiper nazzjonali tal-Italja Gigi Buffon li mistenni jirtira mill-futbol fl-2018.

F’kummenti li ta Raiola qal li l-klijent tiegħu kien lest biex iġedded il-kuntratt tiegħu imma skont hu s-sitwazzjoni saret waħda vjolenti u xejn sabiħa tant li Donnarumma bidel fehemtu.

“Jien u Donnarumma ħadna deċiżjoni li ma ridniex u li żgur ma kellha x’taqsam xejn mal-flus. Kemm aħna kif ukoll familtu ġejna mhedda. It-theddid ma kienx biss dwar jekk Donnarumma jibqax jilgħab jew le imma kien hemm min hedded b’ħajja jew mewt. Żgur li wieħed ma jistax iżomm plejer billi jheddu. Hu veru li b’din il-mossa Donnarumma jista’ jitlef sena ta’ futbol regolari imma fis-sitwazzjoni li qegħdin fiha aħjar hekk,” spjega Raiola.

Dan tal-aħħar temm billi qal li hu u Donnarumma għadhom ma tkellmu mal-ebda klabb. “Donnarumma diġà kellu offerti mingħand klabbs bħal ma huma Juventus, Real Madrid u klabbs kbar Ewropej meta kien għad kellu 14-il sena, jiġifieri li kieku ried imur ma’ klabb ieħor ilu li għamel dan.

Minn naħa tiegħi kont diġà serraħt ras id-diriġenti ta’ Milan li Donnarumma ma kienx se jħalli lill-klabb b’xejn jiġifieri ma kienx hemm għalfejn din l-għaġla kollha biex iġedded il-kuntratt,” kompla jgħid Raiola.
Minn naħa tiegħu Marco Fassone tkellem mod ieħor dwar dan il-każ kollu.

Fassone ċaħad dak li qal Raiola u qal Milan għamlu dak kollu possibbli biex iżommu lil Donnarumma għax wara kollox il-fatt li dan ma ġeddidx il-kuntratt fisser li Milan tilfu madwar mitt miljun ewro.

“Donnarumma kellu kull dritt li jagħmel għażla imma naħseb li hu u l-aġent tiegħu raw il-flus xejn aktar. Dawn it-tnejn setgħu ħallew lill-klabb mingħajr ma għamlulu l-ebda ħsara.

Kull ma ridna hu li Donnarumma javżana li ma riedx jibqa’ magħna, kien iġedded il-kuntratt u fih konna ninkludu klawsola u ma kien ikun hemm l-ebda problema biex jingħaqad ma’ tim ieġor li jkun ġie b’offerta tajba,” qal Fassone.

Fassone qal li filwaqt li Donnarumma dejjem qal lid-diriġenti li kien lesti iġedded il-kuntratt Raiola dejjem qallhom li ma kellu l-ebda għaġla biex jagħmel dan. L-Amministratur temm jgħid li Milan xorta waħda mhux beħsiebhom ibiegħu lill-gowlkiper u se jkun f’idejn il-kowċ Montella jagħmilx użu mill-gowlkiper jew le.

“Li hu żgur hu li jekk kemm-il darba Montella jagħżel li jibqa’ jagħżel lil Donnarumma bħala n-numru wieħed tagħna jrid ikun ċert li dan ikun qed jagħti l-massimu tiegħu u ma jkunx moħħu f’tim ieħor. Minn naħa tagħna issa rridu immedjatament nibdew naħsbu biex nakkwistaw gowlkiper ieħor għax ma nistgħux nibqgħu niddependu fuq persuna li fi żmien sena se jiskadilu l-kuntratt.”

Waddbulu flus foloz
Tard il-Ħadd filgħaxija, waqt il-partita mill-Kampjonati Ewropej ta’ taħt il-21 sena, partitarji rrabbjati ta’ Milan waddbu flus foloz lejn id-direzzjoni tal-gowlkiper Gigi Donnarumma bħala turija ta’ rabja wara li hu rrifjuta li jġedded il-kuntratt mar-Rossoneri. Ta’ min jinnota li każ simili kien seħħ waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Lulju tal-2015 meta Simon Brodkin, kummidjat Ingliż kien waddab flus foloz fid-direzzjoni tal-eks President tal-FIFA Sepp Blatter li kien akkużat b’korruzzjoni.