Lokali

Il-Prim Ministru jgħid li għaddejjin diskussjonijiet ma’ konsorzju għall-bejgħ tal-Air Malta

Il-Prim Ministru Joseph Muscat iddikjara li d-diskussjonijiet biex tinbiegħ il-linja nazzjonali tal-ajru, l-Air Malta, jinsabu fi stadju avvanzat.

F’kummenti lill-midja, għall-ewwel darba Muscat żvela li għaddejjin taħdidiet ma’ konsorzju, li madankollu ma qalx jekk hux wieħed iffurmat minn kumpaniji lokali jew barranin.

Issa ilu fatt magħruf għall-aħħar snin li l-linja nazzjonali tal-ajru tinsab fi stat finanzjarju diżastruż, u jekk mhix se tittieħed azzjoni mmedjata din tirriskja li xxolji b’riskju kbir għal eluf ta’ impjiegi.

Iżda minkejja li l-Gvern fl-ewwel leġiżlatura ta’ Joseph Muscat baqa’ ma għamel xejn dwar is-sitwazzjoni prekarja tal-Air Malta, Muscat iddikjara li l-aħħar snin ma kinux moħlija.

Dan minkejja li l-Gvern kien qed jipprova jbiegħ l-Air Malta lill-Alitalia iżda falla, biex minflok il-Gvern kellu jfittex sħab oħra li magħhhom jista’ jiddiskuti l-bejgħ tal-Air Malta.

Xi ħaġa li wasslet biex fost l-oħrajn Edward Zammit Lewis tilef postu bħala Ministru tat-Turiżmu u minfloku jinħatar Konrad Mizzi.

L-aħbar tad-diskussjonijiet avvanzati mal-konsorzju li mhux magħruf minn min hu ffurmat, turi li l-Gvern qed ikompli jinjora l-appelli li l-linja nazzjonali tal-ajru tinbiegħ lill-ħaddiema stess jew il-pubbliku Malti li jkollhom l-opportunità li jixtru l-ishma.

Dan kien appell li sar kemm mill-Partit Nazzjonalista kif ukoll minn numru ta’ msieħba soċjali nvoluti direttament fil-linja nazzjonali tal-ajru.