Lokali

Jibda l-proċess ta’ elezzjoni għal Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista

Il-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista llejla ta bidu għall-proċess ta’ ħatra ta’ Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista hekk kif approva r-regoli għall-elezzjonijiet ta’ ħatriet ta’ Kap u Viċi Kapijiet li issa jridu jiġu approvati mill-Kunsill Ġenerali, kif ukoll id-dati tal-elezzjoni għall-ħatra ta’ Kap u l-membri tal-Kummissjoni Elettorali.

Il-proċess għall-ħatra ta’ Kap ġdid se jkun maqsum f’żewġ fażijiet: fl-ewwel fażi jintgħażlu żewġ kandidati mill-Kunsill Ġenerali, biex imbagħad dawn iż-żewġ kandidati jmorru fil-Konvenzjoni Ġenerali, li tinkludi t-tesserati kollha tal-Partit, biex jiġi elett wieħed minnhom.

Id-dati proposti mill-Kumitat Eżekuttiv huma dawn:

L-Erbgħa 28 ta’ Ġunju: jitlaqqa’ Kunsill Ġenerali li jiddiskuti u japprova r-regoli għall-elezzjonijiet ta’ Kap u Viċi Kapijiet
Bejn it-Tnejn 17 u l-Erbgħa 19 ta’ Lulju: jintlaqgħu n-nomini għall-elezzjoni ta’ kariga ta’ Kap tal-Partit
L-ewwel weekend ta’ Settembru: jitlaqqa’ Kunsill Ġenerali b’elezzjoni għall-kariga ta’ Kap tal-Partit
Is-Sibt 16 ta’ Settembru: titlaqqa’ Konvenzjoni Ġenerali b’elezzjoni għall-kariga ta’ Kap tal-Partit

Il-Kummissjoni Elettorali kif approvata mill-Kumitat Eżekuttiv se tkun immexxija minn Joe Borg, bil-membri l-oħra jkunu Matthew Mangion, Boris Xerri, Trevor Degiorgio, Marion Pace Asciak, Angelito Sciberras u Isabel Vella.

Wara li jinħatar Kap tal-Partit ġdid, jibda l-proċess biex jiġu eletti l-Viċi Kapijiet kif ukoll il-karigi l-oħra amministrattivi.