Ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea, illum, bdew il-laqgħat dwar il-ħruġ tar-Renju Unit minn mal-grupp ta’ pajjiżi Ewropej, li ilu jifforma parti minnu mill-1973.
Is-Segretarju Britanniku għall-Brexit, David Davis, li kien qed jirrappreżenta pajjiżu waqt in-negozjati fi Brussell, għamilha ċara li jinsab determinat biex jibni partnership b’saħħtu u speċjali mal-Unjoni Ewropea. Hu sostna li kien qed jidħol għan-negozjati ‘bi ħsieb pożittiv u bil-għan li jaħdem fuq il-proposti kostruttivi’.
Min-naħa tiegħu, in-negozjatur ewlieni għall-Unjoni Ewropea, Michel Barnier, qal li kien qed ifittex qbil ċar dwar il-prioritajiet ewlenin, flimkien ma’ programm għat-taħditiet tal-futur ma’ Londra.
Ir-Renju Unit qed jaħseb biex jitlaq mill-Unjoni Ewropea fl-aħħar ta’ Marzu tal-2019 wara l-vot ta’ Ġunju li għadda fir-referendum storiku dwar l-isħubija.
Is-suġġetti għan-negozjati mal-UE jinkludu l-istatus tal-ekspatrijati; l-ispiża tas-separazzjoni tar-Renju Unit minn mal-Unjoni u l-kwistjoni dwar il-fruntiera tal-Irlanda ta’ Fuq.
Is-sessjoni tal-ftuh, intant, ikkonċentrat fuq l-issues bażiċi tal-proċedura, bl-eżerċizzju qed ikun intiż għat-tkattir ta’ fiduċja bejn in-naħat interessati ‘wara xhur ta’ tensjoni’.
Sadanittant, David Davis qal li għalkemm pajjiżu se jiffaċċja l-isfidi waqt il-proċess tal-Brexit, hu jemmen li Londra u l-UE għandhom jaslu fi ftehim dwar it-termini għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni li għandu jaħdem ‘fl-aħjar interessi taċ-ċittadini kollha’.
//= $special ?>