Lokali

Kundannat attakk terroristiku barra moskea f’Londra

 

Il-Prim Ministru tar-Renju, Theresa May, flimkien ma’ awtoritajiet ewlenin oħra, ikkundannaw attakk terroristiku li seħħ matul il-lejl, qrib il-moskea ta’ Finsbury Park, lejn it-Tramuntana ta’ Londra. Il-pulizija, intant, qed tinvestiga l-inċident li fih raġel saq vann għal fuq grupp ta’ devoti Musulmani li kienu barra l-moskea, fost rapporti li raġel fl-inħawi spiċċa jitlef ħajtu, u b’għaxra oħra jisfaw midruba.

L-awtoritajiet jemmnu li r-raġel – li qed jinżamm taħt arrest fuq suspett ta’ attentat ta’ qtil — kien qed jaġixxi waħdu. Dan waqt li l-Kummissarju tal-Pulizija Metropolitana, Cressida Dick, qalet li dan l-inċident ‘bla dubju qed jitqies bħala attakk speċifiku fuq il-Musulmani’. Hi sostniet li kellha tiżdied il-preżenza tal-pulizija f’dik il-komunità partikulari ‘u b’mod speċifiku madwar il-bini reliġjużi taz-zona’.

L-attakk seħħ wara nofs-il lejl u meta persuni barra l-moskea, dak il-ħin, kienu qegħdin jgħinu raġel li kien ħassu ħażin fuq il-post. F’daqqa wahda ir-raġel  bil-vann saq direttament għal fuq in-nies fost il-paniku – bir-raġel li ħassu ħażin ikun ikkonfermat mejjet, aktar tard, għalkemm mhux ċar jekk hu tilifx ħajtu b’riżultat dirett tal-attakk.

Ir-rapporti qalu li l-aggressur suspettat, imbagħad, niżel mil-vann u pprova jaħrab, fost għajjat ‘li hu ried joqtol lill-Musulmani kollha’. Ir-raġel, iżda, spiċċa mrażżan u msawwat mill-folla li żammitu sakemm marru fuq il-post il-pulizija li ħaduh taħt idejhom. Qed jingħad li dan ir-raġel, ‘il quddiem, għandu jkun suġġett għal eżami mediku li tiddetermina jekk ghandux il-problemi mentali. Fl-istess ħin, ma jidhirx li r-raġel  kien magħruf mas-servizzi tas-sigurtà Britanniċi.

L-aħħar rapporti minn Londra qalu, intant, li wħud fost il-midruba fl-attakk – ilkoll Musulmani — jinsabu f’kundizzjoni serja.

L-inċident f’Finsbury Park qed jitqies bħala r-raba’ attakk terroristiku fir-Renju Unit tul dawn l-aħħar erba’ xhur.

Dritt wara l-attakk, il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, laqqgħet lill-kumitat imlaqqam Cobra li jwieġeb għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi u, ftit wara, tkellmet dwar l-inċident barra l-Uffiċċju tagħha f’Downing Street (f’Londra) fejn qalet  li ‘għal ħafna snin kien hemm wisq tolleranza’ għal diversi forom tal-estremiżmu.

‘L-azzjoni barra l-moskea tfakkar lil kulħadd li jeżistu ħafna espressjonijiet ta’ terroriżmu, estremiżmu u mibgħeda u s-soċjetà trid tibqa’ determinata biex trażżan dawn l-azzjonijiet, irrispettivament mill-identità tan-nies responsabbli’, saħqet Theresa May.