Lokali

Raġel iweġġa’ gravi b’daqqa ta’ turnavit f’argument fi blokk appartamenti f’San Pawl il-Baħar

Raġel ta’ 46 sena weġġa’ gravi wara li matul il-lejl li għadda kien involut f’argument fi blokka appartamenti fi triq it-Turisti f’San Pawl il-Baħar. Ir-raġel jidher li weġġa’ kawża ta’ daqqa ta’ turnavit.

L-argument jidher li seħħ għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ filgħodu fil-komun tal-blokka appartamenti u mmedjatament issejħu l-Pulizija.

Fl-argument allegatament kienu nvoluti wkoll Ingliż ta’ 50 sena, minn San Pawl il-Baħar u ġuvni ta’ 19-il sena, residenti l-Għargħur.

Ir-raġel ta’ 46 sena, ittieħed l-isptar Mater Dei għall-kura, fejn iżjed tard ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi, filwaqt li l-Ingliż ta’ 50 sena ttieħed għall-kura fiċ-Ċentru tas-Saħħa.

Investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin, filwaqt li minn fuq il-post ġie elevat it-turnavit li x’aktarx intuża bħala arma f’dan l-argument.