Futbol Sport

TAZZA TAL-KONFEDERAZZJONIJIET – Il-Ġermanja jibdew b’rebħa

AWSTRALJA……………..2
ĠERMANJA………………..3

Iċ-champions tad-dinja, l-Ġermanja bdew l-impenji tagħhom fit-Tazza tal-Konfederazzjonijiet billi għelbu lill-Awstralja bi skor ta’ 3-2. It-tim ta’ Loew, li hu nieqes minn diversi plejers titulari kellu jsofri aktar milli kien mistenni kontra l-Awstraljani li urew kuraġġ kbir.

Wara ħames minuti l-Ġermanja fetħu l-iskor meta STINDL skurja mill-viċin wara li rċieva mingħand Brandt. Għal Stindl dan kien l-ewwel gowl ma’ pajjiżu. Minn hawn ‘il quddiem il-Ġermanja ddominaw u kienet sorpriża meta l-Awstralja ġabu d-draw erba’ minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima.

Dan il-gowl wasal hekk kif ROGIC l-ewwel ra x-xutt tiegħu mblukkat minn difensur imma mat-tieni tentattiv tiegħu, mir-rebound, skurja gowl mill-isbaħ minn barra l-kaxxa.

Madankollu l-Awstralja ftit damu jgawdu dan id-draw għax tliet minuti wara Goretzka twaqqa’ fil-kaxxa minn Luongo u mill-11-il metru DRAXLER ma żbaljax għat-2-1.
Hekk kif bdiet it-tieni taqsima l-andament baqa’ l-istess u fit-48 minuta GORETZKA sab ix-xibka f’gowl ferm simili għall-ewwel wieħed tal-Ġermanja.

Kien hawn fejn l-Awstraljani żiedu fil-logħob tagħhom u ta’ dan ġew ippremjati meta fit-58 minuta, minn azzjoni ta’ free kick, JURIC approfitta minn konfużjoni fil-kaxxa u għeleb lill-gowlkiper Leno għat-3-2.
Mikejja li naqqsu d-distakk l-Awstralja ma sabux il-gowl tad-draw biex b’hekk sofrew l-ewwel telfa fl-ewwel impenn f’din il-kompetizzjoni.

Intant, ir-referees ġew ordnati biex iżidu l-ħin taċ-ċelebrazzjonijiet tal-gowls mil-ħin miżjud ta’ kull taqsima.

Il-ftehim il-ġdid diġá jinsab fis-seħħ fil-Confederations Cup li bdiet nhar is-Sibt li għadda bl-għaqda li tmexxi l-football fid-dinja trid li dan irid jiġi addottat madwar id-dinja kollha.