Lokali

Tibda kampanja kontra l-konsum ta’ xorb alkoħoliku żejjed fil-festi

Pajjiżna sfortunatament jinsab minn ta’ quddiem f’dak li għandu x’jaqsam mal-użu eċċssiv tal-alkoħol, u l-konsum tiegħu minn tfal u żgħażagħ anke f’etajiet inqas mit-13-il sena.

Dan joħroġ minn ċifri tal-Espad, l-iskola Ewropea dwar l-użu tal-alkoħol u d-droga. Statistika li turi kif f’pajjiżna għandna fost l-ogħla ammont ta’ żgħażagħ li diġa’ sikru f’ħajjithom.

86% taż-żgħażagħ taħt l-eta’ legali xorbu l-alkoħol u li 47% minnhom sikru għallinqas darba f’ħajjtihom. Agħar minn hekk hu l-ammont kbir ta’ żgħażagħ taħt it-13-il sena li f’ħajjithom ħadu xorb alkoħoliku u 8% minnhom li diġa’ xorbu b’mod eċċessiv tant li sikru.

Fid-dawl ta’ dan, il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, is-Sedqa u l-Għaqda Każini tal-banda ngħaqdu flimkien f’kampanja edukattiva dwar ir-riskji tal-konsum tal-alkoħol mit-tfal u ż-żgħażagħ.

L-Għaqda Każini tal-banda ngħatat ukoll mat-3,000 breathalyser li wieħed jista’ juża fuqu nnifsu jekk ikollu dubju dwar l-ammont ta’ alkoħol li kkonsma.

Tkellimna ma’ Noel Camilleri, President tal-Għaqda Każini tal-Banda dwar għaliex għażlu li jindirizzaw il-problema tal-użu eċċessiv tal-alkoħol. “Fil-festi jkun hemm ħafna konsum tal-alkoħol, speċjalment fil-marċi, u allura bħala għaqda rridu nkunu proattivi biex is-sabiħ tal-festi ma jiġix imtappan mill-ħażin.”

Andrew Micallef hu wieħed miż-żgħażagħ li ħadmu fuq il-filmat edukattiv, u jispjega kif l-għan hu li ż-żgħażagħ stess iwasslu messaġġ lil sħabhom biex ma jħassrux il-ħidma li ssir fil-festi billi jixorbu l-alkoħol u jesaġeraw.

“L-alkoħol, speċjalment fil-festi, hu ħażin. Ma rridux li l-ħidma tal-voluntiera li kważi jagħtu ħajthom għall-festi matul is-sena kollha, ma jħassrux it-tajjeb li jkun sar bil-konsum eċċessiv tal-alkoħol,” jispjega lil Net News.

F’kumment lil dan is-sit, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, Alfred Grixti, tkellem dwar l-importanza li l-għaqdiet f’pajjiżna jaħdmu flimkien bħal f’dan il-każ.

Dan fid-dawl li sfortunatament, għaqdiet bħas-Sedqa li jagħmlu parti imprezzabbli fis-soċjetà m’għandhomx biżżejjed fondi biex iwettqu dak kollu li jixtiequ.

Lil Net News, Grixti ddikjara li “hu importanti li entitajiet governattivi bħalma hi l-Fondazzjoni permezz tal-Aġenzija Sedqa, ma taħdimx waħidha. Waħidna, minkejja r-riżorsi ma nistgħux naslu. Għalhekk ridna li naħdmu ma’ stakeholders ewlenin bħall-Għaqda Każini tal-Banda biex il-messaġġ tagħna li ż-żgħażagħ tagħna ma jiċċelebrawx kull okkażjoni b’xorb eċċessiv ta’ alkoħol jasal.”

Dan il-proġett edukattiv isegwi wkoll sensiela ta’ taħdidiet u ħidma li diġa’ ssir fl-iskejjel rispettivi madwar Malta u Għawdex fost tfal sa minn eta’ żgħira.