L-eks Segretarju tal-General Workers’ Union, Tony Zarb, kompla bl-attakk tiegħu fuq l-MEPs Nazzjonalisti u l-Arċisqof Charles Scicluna.
F’post ġdida fuq Facebook, Tony Zarb qal li issa l-Arċisqof stenbaħ u qed jitkellem kontra l-mibgħeda, wara li l-kap tal-Knisja Maltija kkundanna l-Hate Speech.
B’reazzjoni għal dan, Zarb għamilha ċara li hu mhux se jieqaf mill-kummenti li għamel fl-aħħar jiem fejn fost l-oħrajn ikkritika lil David Casa u Roberta Metsola, li bħala MEPs Maltin iddefendew lil pajjiżna fil-Parlament Ewropew mill-korruzzjoni ta’ Gvern Laburista.
Tony Zarb saħansitra nfexx jattakka lil min ikkritika l-kummenti intimidatorji tiegħu fl-aħħar jiem billi qal li: “mhux tort tiegħi li dawk li jittimbraw il-kummenti tiegħi bħala kummenti ta’ mibgħeda, moħħhom jaħseb b’mod maħmuġ.”
Il-kummenti ta’ Tony Zarb fl-aħħar jiem wasslu wkoll għal sensiela ta’ kummenti mimlija theddid, fost l-oħrajn minn persuni li appellaw biex jingħaqdu gruppi jistennew lill-MEPs Maltin u jattakkawhom, fost l-oħrajn b’kummenti jew saħansitra tfiegħ ta’ bajd.
Fost dawn id-direttur tal-V18, Mario Philip Azzopardi li appella lin-nies biex imorru l-ajruport jistennew lill-MEPs Nazzjonalisti u jwaddbulhom il-bajd u t-tadam.
Iżda waqt li l-kummenti ta’ Tony Zarb ġabu l-kundanna tal-Arċisqof Charles Scicluna, li appella kontra l-assassinju tal-karattru u l-intimidazzjoni, l-istess Arċisqof spiċċa attakkat minn Alfred Grixti, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għal servizzi tal-Ħarsien Soċjali.
Mistoqsi minn dan il-ġurnal, Grixti ddefenda lil Tony Zarb u qal li l-post wara l-oħra tiegħu kontra l-MEPs Maltin ma kinux assassinju tal-karattru.
“Jekk il-kummenti ta’ Tony Zarb hu assassinju tal-karattru, naħseb li relattivament hu dnub venjali ħdejn id-dnubiet mejta li għamel ħaddieħor u ma ġewx kundannat,” qalilna Alfred Grixti meta mistoqsi kif jista’ ma jaqbilx ma kummenti kontra l-intimidazzjoni u l-assassinju tal-karattru.
Hu ġġustifika u ddefenda lil Tony Zarb minkejja li l-kummenti tiegħu ġabu reazzjoni ta’ theddid u intimidazzjoni. Irrimarkajna li kummenti bħal ta’ Tony Zarb isaħħnu l-irjus u jwasslu biex xi ħadd jieħu azzjoni drastika: “Kien hemm kummenti ferm, ferm agħar minn ta’ Tony Zarb li ma ġewx kundannati,” iġġustifika Grixti.
U minflok qabel mal-kummenti tal-Arċisqof biex ma jsirux intimidazzjonijiet u attakki fuq persuni, Alfred Grixti sfidah u akkużah li mhux bilanċjat. “Min qed jikkritika lili qed jgħid li bħala kap ta’ entita governattiva nazzjonali messni ma kkummentajtx. Jien dik nitfahha lura lejn l-Arċisqof.”
Sadattant fuq Facebook, Tony Zarb temm il-kummenti tiegħu billi talab għal-Likes u shares mingħand sħabu.
//= $special ?>