Ir-Russja wissiet lill-koalizzjoni taħt tmexxija Amerikana li qed tiġġieled fis-Sirja li l-qawwiet Russi, ‘il quddiem, għandhom iqisu lill-ajruplani ta’ din il-koalizzjoni bħala ‘miri leġittimi’. It-twissija ngħatat wara li ajruplan Amerikan mal-koalizzjoni, tat-tip F/A-18E Super Hornet, spiċċa jwaqqa’ ajruplan militari Sirjan tat-tip SU-22, b’dan l-inċident qed jhedded li jimpenja aktar lill-Istati Uniti fil-konflitt tas-Sirja.
Kelliema għall-koalizzjoni qalu li l-ajruplan Sirjan twaqqa wara li kien attakka lir-ribelli appoġġjati mill-Istati Uniti, fil-provinċja ta’ Raqqa.
Intant, il-Gvern tas-Sirja kkundanna ‘l-attakk sfaċċat min-naħa tal-Amerikani’ filwaqt li sostna li l-inċident għandu jħalli r-riperkussjonijiet perikolużi.
Ir-Russja, bħala alleata ewlenija tas-Sirja, qalet ukoll li qed twaqqaf il-komunikazzjonijiet mal-Istati Uniti, bil-għan li jevitaw l-inċidenti fl-ajru.
Fl-istess ħin, il-Ministeru tad-Difiża Russu saħaq li ‘kull ajruplan u drone tal-koalizzjoni internazzjonali li qegħdin joperaw lejn il-Punent tax-Xmara Ewfrati għandhom ikunu ssorveljati mill-qawwiet Russi, filwaqt li trattati daqslikieku miri’.
Intant, Moska ċaħdet li l-Istati Uniti kienet użat ‘xi mezz ta’ komunikazzjoni’ qabel it-twaqqigħ tal-SU-22.
//= $special ?>