Lokali

Żewġ persuni arrestati wara li waslu Malta b’10 kilogrammi droga kokaina – Arrestati wkoll żewġ Maltin

Erba’ persuni, żewġ Belġjani u żewġ Maltin matul il-lejl li għadda kienu arrestati wara sejba ta’ 10 kilogrammi droga kokaina.

Iż-żewġ Belġjani kienu arrestati mill-Pulizija hekk kif waslu Malta minn Sqallija. Qabel waslu Malta, il-Pulizija kellhom diġa informazzjoni dwar dawn iż-żewġ persuni.

Għaldaqstant kollox beda hekk kif iż-żewġ persuni, mara ta’ 62 sena u raġel ta’ 45 sena, waslu Malta bil-katamaran. Il-Pulizija segwewhom sal-lukanda. Wara iż-żewġ Belġjani niżlu mill-karozza u rikbu f’karozza oħra u saqsu minn fuq il-post.

Wara xi ħin isuqu, iż-żewġ persuni twaqqfu mill-Pulizija fl-Imsida fejn hemmhekk wara tfittxija instabu 10 kilogrammi ta’ droga kokaina.

Iż-żewġ Maltin arrestati dwar din is-sejba huma, raġel ta’ 38 sena, minn Birkirkara u ieħor ta’ 41 sena, minn Ħal Safi.

Fis-sigħat li ġejjin mistennija jitressqu l-Qorti l-persuni arrestati, akkużati bl-importazzjoni, traffikar u pussess aggravat tad-droga.

Dwar dan il-każ ġiet appuntata inkjesta li qed titmexxa mill-Maġistrat tal-Għassa Ian Farrugia li ħatar diversi esperti sabiex jassistuh.