Internazzjonali

Akkużi dwar spjunaġġ fuq ‘ġurnalisti u avukati’ fil-Messiku

 

Numru ta’ ġurnalisti u attivisti prominenti fil-Messiku ressqu ilment fejn qegħdin jakkużaw lill-Gvern Messikan b’li qiegħed jispjuna fuqhom. Qed ikun allegat li l-awtoritajiet tal-Gvern qegħdin jippruvaw isiru jafu ‘il-pjani u l-movimenti’ tan-nies partikulari permezz ta’ sistemi avvanzati għall-hacking tat-telefons ċellulari.

Intant, l-akkuża segwiet rapport li deher f’The New York Times li qal li l-ġurnalisti u l-attivisti fil-Messiku sfaw mira ta’ spyware li suppost li jintuża għal kontra kriminali u terroristi.

Din il-gazzetta Amerikana spjegat li messaġġi li għaddew minn analiżi forensika wrew li s-software inkwistjoni intuża kontra l-kritiċi tal-Gvern Messikan.

Madankollu, kelliema għall-Gvern tal-Messiku qegħdin jiċħdu dawn l-allegazzjonijiet ‘b’mod kategoriku’.

Ir-rapport fin-New York Times qal li s-software, magħruf bħala l-Pegasus, kien inbiegħ lill-aġenziji federali tal-Messiku mingħand il-kumpanija Iżraeljana, NSO Group, bil-kundizzjoni li dan jintuża biss għall-investigazzjoni ta’ kriminali u terroristi.

Is-software kapaċi jinfiltra lis-smartphones u jgħin għall-moniteraġġ tat-telefonati, SMSes u komunikazzjonijiet oħra. Skont in-New York Times, il-Pegasus kapaċi anki jattiva l-mikrofonu jew il-kamera tat-telefon ċellulari inkwistjoni, b’dan it-telefon, effettivament, jinbidel f’bug personali fejn il-movimenti tal-persuna fil-mira jkunu magħrufa ma’ ‘ħaddieħor’.

Issa, qed jingħad li l-Gvern tal-Messiku – aktar milli qed jikkonċentra fuq il-kriminali suspettati – għażel li jisfrutta s-spyware bil-għan li jsir tracking ta’ ġurnalisti investigattivi, kif ukoll ta’ attivisti involuti f’ħidma kontra l-korruzzjoni u, anki, avukati.

S’issa, disa’ persuni ressqu ilment kriminali b’konnessjoni ma’ dan l-abbuż u meta xi ġurnalisti, waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Belt tal-Messiku, akkużaw lill-Istat dwar ‘attività kriminali’.