Futbol Sport

Anke Mourinho akkużat b’evażjoni ta’ taxxa

Wara li jiem ilu l-winger ta’ Real Madrid Cristiano Ronaldo ġie akkużat b’evażjoni ta’ taxxa, issa anke l-manager ta’ Manchester United Jose Mourinho qed ikun akkużat bl-istess ħaġa.

Prosekuturi fi Spanja qed jgħidu li fiż-żmien li Mourinho kien fi Spanja jmexxi lit-tim ta’ Real Madrid hu evada t-taxxa b’3.3 miljun ewro. Mourinho qed ikun akkużat li għamel dan ir-reat bejn l-2011 u l-2012. Hu beda jmexxi lill-Merengues fl-2010 u ħalla lit-tim fl-2013.

Ta’ min jiftakar li fis-snin li għaddew anke l-attakkant ta’ Barcelona Lionel Messi kien akkużat li evada t-taxxa b’4.1 miljun ewro u saħanistra hu u missieru kienu għaddew ġuri u ntbagħtu 21 xhar ħabs imma minħabba teknikalità fil-liġi Spanjola dawn mhux se jiskontaw is-sentenza.

Ġimgħa ilu Ronaldo, ftit jiem wara li għen lil Real jirbħu ċ-Champions League sar jaf li qed ikun akkużat li evada b’€14.7 miljun f’taxxa mill-2011 sal-2014. Issa hu ntalab biex jagħti x-xhieda tiegħu fil-Qorti fil-31 ta’ Lulju li ġej.