Id-Dipartiment tad-Dwana sa nhar il-Ġimgħa li ġej se jilqa’ offerti għall-bejgħ ta’ diversi oġġetti li kienu maqbuda mid-Dwana wara li ddaħħlu b’mod illegali.
L-affarijiet li qed ikunu offruti għall-bejgħ huma diversi u huma maqsumin f’numru ta’ lottijiet u jvarjaw minn: karozza Volkswagen Bora, dinghy kbir, żewġ akkwarji imdaqqsa, 60 kaxxa qomos, 16,128 par żarbun, 48,000 biċċa ħwejjeġ ta’ taħt, 230 coolers tal-plastik kbar, 24,900 CD Plastic cases, 115-il pallet madum taċ-ċeramika, 2,567 flixkun xorb alkoħoliku, 18,864 flixkun inbid u 21,600 tazza tax-xorb.
Dawn il-lottijiet wieħed jista’ jarahom fi Newport Bonded Stores, il-Marsa sa nhar il-Ħamis 22 ta’ Ġunju bejn it-08:00 sa nofsinhar u min-12:30pm sat-15:30, kif ukoll il-Ġimgħa 23 ta’ Ġunju fil-ħinijiet ta’ bejn it-08:00 u nofsinhar. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jċempel fuq 21236125 u 25685167.
L-offerti jintlaqgħu sa nhar il-Ġimgħa 23 ta’ Ġunju f’nofsinhar fuq formoli apposta li wieħed jista’ jiġbor minn Newport Bonded Stores u wara jibdew jinfetħu l-offerti.
Dan hu bejgħ ieħor bl-offerta ta’ oġġetti varji li b’mod regolari d-Dipartiment tad-Dwana jaqbad. Hemm il-ħsieb li l-bejgħ tal-oġġetti mid-Dwana jibda jsir bejn tlieta u erba’ darbiet kuljum. Il-flus li jidħlu mill-bejgħ ta’ dawn l-oġġetti jmorru għand id-Dipartiment tad-Dwana.