Sport Sport Ieħor

BOWLING – Sue Abela tirbaħ il-Malta Open

Sue Abela kompliet tirbaħ aktar titli

F’dawn l-aħħar jiem il-bowler Maltija Sue Abela kompliet iżżid mal-kullana ta’ suċċessi fil-karriera mill-aqwa tagħha hekk kif rebħet is-26 edizzjoni tal-Malta Open. Fil-kompetizzjoni ħadu sehem bowlers minn 15-il pajjiż.

Il-parteċipanti tal-Malta Open ta’ din is-sena kienu ġejjin mill-Ingilterra, mill-Iżvezja, mill-Irlanda, mill-Belġju, mid-Danimarka, minn Franza, minn Norveġja, mill-Iżrael, mill-Italja, mill-Ġappun, mill-Litwanja, mill-Olanda, mill-Iżvizzera, minn Wales u ovvjament minn Malta.

Il-format ta’ dan it-turnament beda permezz ta’ rawnd ta’ kwalifikazzjoni kien kompost minn 12-il partita, fejn 36 bowler ikkwalifikaw għall-istadji finali.

Wara li Gary Newton kiseb l-ewwel strike ta’300 tal-kompetizzjoni, mill-eliminazzjoni, bowlers Maltin telgħu kontra xulxin fejn Sue Abela għelbet lil Rankin Camilleri filwaqt li Justin Caruana Scicluna għeleb lil Mark Spiteri f’partita ferm bilanċjata.

Fil-fażi ta’ wara wara li Sue Abela għelbet lil Julien Sermand bi skor ta’ 512-428, Justin Caruana Scicluna safa megħlub minn Aides Daniunas tal-Litwanja, rebbieh tal-Open ta’ Malta tas-sena li għaddiet.
Wara li Abela għelbet lil Gary Skyes u Daniunas għeleb lil Rob Thurlby tal-Ingilterra bi skor ta’ 528- 452 , f’finali mill-isbaħ Abela għelbet lil Daniunas tal-Litwanja bi skor ta’ 447- 385 sabiex saret l-ewwel mara li rebħet l-Open ta’ Malta.