Kumpanija ewlenija fl-immanifatturar tal-għamara u li hi stabbilità fil-Qasam Industrijali tax-Xewkija f’Għawdex, qed tiffaċċja problemi serji fil-produzzjoni minħabba li fil-ġimgħat li għaddew irriżenjaw minn magħha għadd ġmielu ta’ ħaddiema biex imorru jaħdmu mal-Gvern.
In-Nazzjon żvela li persuni tkellmu mal-ġurnal qalu li hemm numru ta’ kumpaniji Għawdxin li qed iħabbtu wiċċhom ma’ żminijiet iebsa u mill-aktar diffiċli.
Fost dawn il-kumpaniji hemm ukoll din il-kumpanija tal-għamara li għandha reputazzjoni mill-aqwa fil-gżejjer Maltin grazzi għall-fatt li dejjem ħaddmet magħha ħaddiema ta’ talent u bravi.
Jirriżulta li ħaddiema mħarrġa minn dawn, li kien ilhom jaħdmu mal-kumpanija bosta snin u li għandhom taħriġ fuq bosta makkinarju, fil-ġimgħat ta’ qabel l-elezzjoni ġenerali ħadu l-opportunità li jingħaqdu ‘mal-Gvern’ bir-riżultat li flimkien ħallew lil din il-kumpanija tixxejjer u tiffaċċja mument iebsa.
Agħar minhekk jirriżulta wkoll li l-management tal-kumpanija ma hux jirnexxielu jsib ħaddiema Għawdxin oħrajn biex jimlew dawn il-vakanzi. “
F’Għawdex f’daqqa waħda ma hawnx ħaddiema disponibbli biex jaħdmu fis-settur privat. Fil-verità s-sitwazzjoni hi waħda gravi ħafna għaliex anki jekk issib lil min hu interessat, eventwalment jirriżulta li ma jkunx imħarreġ u li jkollu bżonn it-taħriġ – li ma jingħatax mil-lum għall-għada – biex ikun jista’ jibda jaħdem fuq il-lant tax-xogħol.”
Dawn is-sorsi komplew li dawk kollha li fil-ġimgħat ta’ qabel l-elezzjoni ġenerali tilfu rashom u għamlu ħniżrijiet kbar u impjegaw lil kulħadd ‘mal-Gvern’, issa jridu jerfgħu r-responsabbiltà ta’ dak li għamlu.
Madankollu kulħadd jaf x’ġara issa, in-nies tal-eks-Ministru Anton Refalo li qdew lil kulħadd issa spiċċaw biż-żiemel tagħhom sfaċċatament skartat mill-Prim Ministru u dik li kienet Segretarju Parlamentari qabel – Justyne Caruana u li n-nies tagħha wkoll qdew ħafna Għawdxin u tawhom l-ilma jiżfen – issa qiegħed ikollha tkun hi li trid issolvi din il-problema serja ta’ nuqqas ta’ ħaddiema fis-suq tax-xogħol f’Għawdex.
Terzi mis-settur privat f’Għawdex bħalissa qed ikomplu jagħmlu pressjoni kbira fuq Justyne Caruana biex aktar milli tinfexx twarrab lin-nies ta’ Anton Refalo mill-Ministeru u minfejn b’xi mod jistgħu jkomplu jagħmlulha l-ħsara, timbarka fuq inizjattivi serji u konkreti li jistgħu jikkontribwixxu b’mod pożittiv għal dak li qed jiġri attwalment fost is-settur privat.
L-istess sorsi qalu wkoll li huma japprezzaw li Justyne Caruana għad ma għandhiex l-esperjenza u l-ħila meħtieġa biex tiffaċċja sitwazzjonijiet diffiċli bħal dawn li ħolqu l-istess kandidati Laburisti fid-dagħdigħa ta’ qabel l-elezzjoni ġenerali biex jiksbu l-voti.
“Issa li ġabu lis-settur privat – negozji kbar, negozji iżgħar, ristoranti, ħwienet oħrajn… fuq irkopptejhom – l-istess Justyne Caruana għandha tfittex tlaqqa’ lill-partijiet kollha konċernati biex tindirizza dak li qed jiġri.
Il-Malta Enterprise, il-Jobs Plus u entitajiet oħrajn tal-Gvern żgur li għandhom jitlaqqgħu madwar mejda waħda f’Għawdex biex jaraw kif se jsolvu l-problemi ta’ dawn il-kumpaniji privati… altrimenti faċilment jista’ jkun hemm min jaħseb bis-serjetà min idabbar rasu minn Għawdex u jagħmel ri-lokazzjoni tan-negozju tiegħu f’xi pajjiż ieħor.
L-istess sorsi rriferew ukoll għal dak li diġà ngħad dwar il-kundizzjonijiet li qed jibbenefikaw minnhom il-ħaddiema li ddaħħlu ‘mal-Gvern’ u qalu li anki huma jibqgħu perplessi biex irġiel tal-familja u nisa b’impennji mal-banek telqu l-full-time li kellhom fiss u b’kundizzjonijiet mill-aqwa, fosthom anki b’salarji mill-aqwa, biex marru ‘mal-Gvern’
“Din aħna ma nistgħux nifhmuh. Kif ikollok dħul ta’ ċertu ammont biex tista’ tmexxi familja kif suppost u filli tirrinunzja għal dak id-dħul biex iddaħħal il-paga tal-kuntrattur.
“Issa inti taf biżżejjed x’qed jiġri fost ċerti kuntratturi… fosthom li qed inaqqsu s-sigħat tax-xogħol tal-ħaddiema biex ikun jista’ jaħdem ftit sigħat kulħadd. Mela filli jkollok impjieg ta’ 40 siegħa u aktar bis-sahra b’kollox, u filli tkun ‘mal-Gvern’ u tkun kostrett taħdem ġimgħa xogħol mifruxa fuq ferm inqas sigħat… u allura dħul ferm u ferm inqas minn qatt qabel,” temmew dawk li tkellmu ma’ In-Nazzjon ilbieraħ.
//= $special ?>