Internazzjonali

Ir-Renju Unit: Vejla ta’ wara t-terrur f’Finsbury Park

Il-Kap tal-Pulizija Metropolitana u mexxejja tad-denominazzjonijiet reliġjużi ħadu sehem f’vejla  li sar f’Londra b’rispett għall-vittmi tal-attakk terroristiku ta’ quddiem il-moskea ta’ Finsbury Park.

L-attakk seħħ matul il-lejl tal-Ħadd u t-Tnejn u l-Kummissarju, Cressida Dick, kienet fost il-mijiet li ħadu sehem fl-avveniment ta’ solidarjetà mal-vittmi. Fl-azzjoni li xukkat pajjiż, raġel minn Cardiff, identifikat bħala Darren Osborne, saq vann għal fuq grupp ta’ devoti Musulmani li dak il-ħin kienu barra l-moskea u ċentru għall-komunità – bl-aggressur, issa, qed jinżamm fuq suspett ta’ attentat ta’ qtil u allegati reati terroristiċi.

L-azzjoni ta’ Osborne tidher li kienet xprunata ‘minn mibgħeda għall-Musulmani’, waqt li l-qraba tal-aggressur ma tilfux iż-żmien biex jesprimu xokk u orrur għal għemilu.

Dritt wara l-attakk  bil-vann – li ħalla numru ta’ feruti — Osborne kien inżamm minn membri tal-folla sakemm waslu l-pulizija biex jarrestawh. Ħafna mill-midruba, fil-ħin tal-attakk, kienu qegħdin jgħinu lil raġel li ħassu ħażin u li wara kien iddikjarat mejjet. Sal-bieraħ kien għadu mhux ċar jekk ir-raġel intlaqatx mill-vann inkella hekk hu tilifx ħajtu minn xi kundizzjoni li kien ibati biha.

Il-membri tal-komunità Musulmana f’Finsbury Park qalu li l-attakk kien wieħed ‘kontra l-familji, il-ħelsien u d-dinjità tagħhom’, bl-Isqof ta’ Stepney, ir-Reverendu Adrian Newman, jisħaq li ‘attakk fuq fidi partikulari jrid jitqies bħala attakk fuq kulħadd’.

Il-Gvern tar-Renju Unit, fi stqarrija, qal li qed jistinka biex irażżan ir-reati stimolati mill-mibgħeda, flimkien mal-forom kollha ta’ estremiżmu. Meta kitbet fil-gazzetta The Guardian, il-Home Secretary ( Ministru għall-Intern), Amber Rudd, ħeġġet għall-għaqda ‘li tinkorpora l-ispirtu komunitarju u l-qawwa sħiħa tal-liġi biex is-soċjetà taċċerta mill-protezzjoni ta’ kull persuna residenti fir-Renju Unit’.