Minkejja li kienet l-ewwel wegħda li għamel wara l-elezzjoni ġenerali, Muscat qed ifalli li jġib l-għaqda nazzjonali fil-poplu Malti u Għawdxi. Dan intqal mill-PN fi stqarrija maħruġa llum wara li Muscat ma kkundannax id-diskors ta’ Tony Zarb fil-konfront tal-MEPs tal-PN Roberta Metsola u David Casa.
Il-Pn qal illi jekk irid ikun kredibbli, Muscat għandu jżomm kellmtu u jiddissassoċja ruħu mill-kummenti ta’ firda li qed jibqa’ jinsisti bihom l-eks Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Tony Zarb; illum attivist ewlieni tal-Partit Laburista. Muscat, iżda qed jiddefendi dan it-tip ta’ diskors, li żgur m’hux eżempju ta’ għaqda nazzjonali.
Dan kollu jikkonferma li l-Mexxej Laburista, filwaqt li fil-pubbliku u quddiem il-kameras jgħid mod, minn wara l-kwinti jagħmel bil-kontra. Filwaqt li fil-pubbliku jitkellem dwar għaqda nazzjonali, minn wara l-kwinti jibgħat nies viċin tiegħu jiżirgħu firda u mibgħeda, qal il-PN fl-istqarrija.
Kien il-ġimgħa li għaddiet meta Zarb attakka lil Casa u lil Metsola għaliex dawn fil-Parlament Ewropew iddefendew isem Malta kontra l-korruzzjoni u l-ħmieġ li daħal fih il-Gvern ta’ Muscat.
Il-kummenti ta’ Tony Zarb fl-aħħar jiem wasslu wkoll għal theddid, fost l-oħrajn minn persuni li appellaw biex jingħaqdu gruppi jistennew lill-MEPs Maltin u jattakkawhom. Fost dawn, id-direttur tal-V18 Mario Philip Azzopardi li appella lin-nies biex imorru l-ajruport jistennew lill-MEPs Nazzjonalisti u jwaddbulhom il-bajd u t-tadam.
//= $special ?>