Internazzjonali

Merkel tidher aktar disposta rigward baġit għaz-zona ewro

Il-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, qalet li hi, ’il quddiem, kapaċi tappoġġja l-introduzzjoni ta’ Ministru tal-Finanzi għaz-zona ewro, flimkien ma’ baġit għal din iz-zona, sakemm li ċ-ċirkustanzi jkunu xierqa’.

Dan meta l-President ta’ Franza, Emmanuel Macron, qed jinsisti bil-qawwi biex jintlaħqu dawn il-miri bil-għan ta’ riforma fiz-zona ewro.

Intant, il-Ġermanja tinsab kawta rigward kwalunkwe pass li kapaċi jwassal lejn transfer union  – jew baġit komuni li jintuża bħala ‘furċina’ għall-Gvernijiet, membri taz-zona ewro (magħmulha minn 19-il pajjiż), li jkunu qed jegħrqu taħt il-piż tad-dejn.

Tispikka wkoll is-sitwazzjoni fejn ħafna Ġermaniżi ma niżżlux tajjeb il-biljuni tal-ewro li ntefqu fuq il-bailout tal-Greċja.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Gvern ta’ Berlin ma jridx li l-Ġermaniżi li jħallsu t-taxxa ‘jagħmlu tajjeb’ għall-infiq fi bnadi oħra tal-Unjoni Ewropea mingħajr sorveljanza stretta u xierqa tas-sitwazzjoni.

Min-naħa tagħha, Angela Merkel – li kienet qed tindirizza lill-kapijiet tal-kummerċ f’Berlin — qalet li jistgħu jkunu introdotti ‘il-bidliet bis-sens’ jekk wieħed jaċċerta li dawn  jibdlu l-ħajja taċ-ċittadini Ewropej għall-aħjar. Il-bidliet partikulari, fost oħrajn, kapaċi jiġġeneraw ix-xogħol għaż-żgħażagħ.

‘Nistgħu, fl-istess ħin, nikkunsidraw ewro-baġit jekk kemm-il darba jkun ċar li, b’dan il-pass, inkunu qed insaħħu tassew l-istruttura tal-ekonomija waqt li nagħmlu l-affarijiet bis-sens,’ kien il-kumment sinifikanti tal-Kanċillier.

L-appoġġ assolut mill-President Macron għall-kunċett tal-Unjoni Ewropea qed iservi biex isaħħaħ il-pożizzjoni ta’ Angela Merkel, li qed tħares ’il quddiem għall-elezzjonijiet ġenerali tal-Ġermanja li jsiru f’Settembru.

Sadattant, ir-riforma taz-zona ewro tibqa’ sfida partikulari.