Lokali

Oġġezzjoni għal bini ta’ ħames sulari f’Pembroke – FAA

Impressjoni artistika tal-iżvilupp propost fit-toroq residenzjali ta’ Pembroke u li r-residenti qed joġġezzjonaw bil-qawwa kollha

L-għaqda ambjentali ‘Flimkien għal Ambjent Aħjar’ u 200 resident ta’ Pembroke qed jappellaw lill-Awtorità tal-Ippjanar biex ma tħallix li Pembroke jitlef il-karatteristiċi tiegħu b’bini għoli ta’ ħames sulari.

L-applikazzjoni hi għal blokk ta’ ħames sulari appartamenti fi Triq l-Isqof Angelo Portelli, li hi triq mimlija djar fuq żewġ sulari. Hu mistenni li din l-applikazzjoni tkun approvata llum; bil-case officer tal-Awtorità tal-Ippjanar jirrakkomanda approvazzjoni.

L-ewwel blokk appartamenti ta’ ħames sulari f’Pembroke kien approvat f’Misraħ il-Paċi. Dan minkejja l-oġġezzjonijiet tal-għaqdiet ambjentali u l-appelli tar-residenti.

Il-Kunsill Lokali ta’ Pembroke qed jopponi dawn l-iżviluppi u ppreżenta appell kontra l-iżvilupp f’Misraħ il-Paċi.

Fi stqarrija oħra, Flimkien għal Ambjent innotat b’sodisfazzjon li l-Kummisjsoni tal-Ippjanar ħadet deċiżjoni favur l-ambjent meta irrifjutat l-applikazzjoni għal żvilupp ta’ estenzjoni ta’ kjosk f’Ħondoq, Għawdex.

F’Ġunju 2016 Flimkien għal Ambjent Aħjar kienet appellat biex iz-zona ta’ Ħondoq  fil-Qala tkun inkluża fid-dimanju pubbliku biex b’hekk din iz-zona sensittiva tkun konservata.