Lokali Qorti

Deċiżjoni pendenti dwar ħelsien mill-arrest għas-Serba akkużata bi qtil

Talba għall-ħelsien mill-arrest minn mara li qed tiffaċċja proċeduri kriminali dwar l-involviment tagħha fil-qtil ta’ żewġ Ingliżi fl-appartament tagħha fil-Qawra se jkun deċiż minn imħallef fil-magħluq.

Dragana Mijalkovic, Serba ta’ 42 sena, tinsab akkużata bil-qtil involontarju ta’ David Grant ta’ 68 sena u Neville Ayers ta’ 78 sena. Il-ġisem ta’ Ayers instab fl-appartament tal-mara u mill-awtopsja kien konkluż li miet fgat.

Il-mara Serba kienet kunsidrata bħala suspettata wara li kien innotat li ftit xhur qabel raġel ieħor Ingliż kien miet fl-istess appartament. Talba preċedenti għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużata kienet miċħuda mill-qorti tal-maġistrati.

Jirriżulta li l-akkużata m’għandhiex familjari f’Malta iżda minkejja dan hi m’għamlet l-ebda attentat biex taħrab minkejja li kellha ħafna żmien biex tagħmel dan, sostna l-avukat tagħha. L-avukat mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali sosniet li dan mhux każ ta’ qtil normali fejn xi ħadd joqtol lil persuna oħra b’inċident. Hu stabbilit li l-mara m’għandhiex dħul u kienet tgħix minn fuq il-flus tal-irġiel anki wara mewthom.