Hekk kif ġew eletti ħames deputati ġodda f’isem il-Partit Nazzjonalista – netnews.com.mt mal-ewwel ħa l-ewwel reazzjoni tad-deputati l-ġodda li se jservu lill-poplu Malti f’din il-leġislatura
Il-Partit Nazzjonalista għandu ħames membri parlamentari ġodda li lkoll kemm huma se jkunu qed jirrappreżentaw lill-Partit Nazzjonalista għall-ewwel darba fil-Parlament. Iżda x’kienu l-ewwel kummenti tagħhom hekk kif saru jafu li ġew eletti fil-Parlament?
Ivan Bartolo – mill-11 Distrett Elettorali:
L-ewwel li tela fost il-ħames deputati kien Ivan Bartolo, fejn tela’ bil-voti li kiseb mill-elezzjoni kawżali hekk kif ċeda s-siġġu tiegħu fuq il-ħdax-il distrett il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil. In-Nazzjon mal-ewwel ħa l-kummenti tad-deputat ġdid li ġie elett fil-Parlament għall-ewwel darba, fejn hu rringrazzja lil dawk kollha li taw l-fiduċja tagħhom lilu, u li issa wasal iż-żmien li jpatti għal din il-fiduċja b’ħidma fil-Parlament.
Godfrey Farrugia – mis-7 Distrett Elettorali:
Hekk kif kompla l-proċess tal-għadd tal-voti fuq id-distretti l-oħra, kien Godfrey Farrugia li ġie elett fuq is-7 distrett. F’dan id-distrett intirtu l-voti li nksibu mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami. Fl-ewwel kummenti tiegħu, Godfrey Farrugia stqarr li jinsab sodisfatt hekk kif kellu kampanja relattiva qasira ta’ 11-il ġurnata. Tenna li hu mument diffiċli għalih, għaliex fil-leġislatura li għaddiet hu serva bhala Whip tal-Partit Laburista, u issa se jkun fil-Parlament taħt kappa totalment differenti. Stqarr li hu dejjem emmen, u se jibqa’ fl-ideali tiegħu; fosthom il-korrettezza u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem.
David Stellini – mit-13 Distrett Elettorali:
Ftit minuti wara, tħabbret uffiċjalment ukoll li David Stellini ġie elett fuq it-tlettax il-distrett, jirrapreżenta l-gżira Għawdxija. Dan wara li nfetħu l-voti ta’ Marthese Portelli. NET News ukoll mal-ewwel ħa r-reazzjoni tal-kandidat Għawdxi li tela’ wkoll għall-ewwel darba fil-Parlament Malti. David Stellini qal li dan hu mument emozzjonanti ħafna għalih u għall-familja. Żied li minħabba din il-kariga l-ġdida, se jinżel jgħix Għawdex stess flimkien mal-familja, dan hekk kif hu ilu snin jaħdem fi Brussell.
Karol Aquilina – mill-10 Distrett Elettorali:
Aktar tard matul il-ġurnata fis-sala tal-għadd tal-voti, kienu l-voti tad-deputat Robert Arrigo li marru għand Karol Aquilina, fejn dan tal-aħħar tela’ mill-10 distrett. Karol Aquilina se jservi fil-Parlament għall-ewwel darba. Fl-ewwel reazzjoni tiegħu, Karol Aquilina rringrazzja lill-votanti kollha, u stqarr li issa li għandu din il-kariga ġdida se jkollu jirriżenja mill-kariga ta’ Sindku.
Maria Deguara – mill-11 Distrett Elettorali:
Il-ħames deputat f’isem il-Partit Nazzjonalista telgħet mit-tieni siġġu tal-11-il distrett. Mill-voti ta’ David Agius, Maria Deguara ġiet eletta għall-ewwel darba fil-Parlament. Minħabba impenji tal-Kunsill Lokali tan-Naxxar barra mill-pajjiż, indirizza f’isimha lill-ġurnalisti r-raġel tagħha, l-eks Ministru Louis Deguara. Louis Deguara rringrazzja lil kull min għen lill-martu f’din l-elezzjoni, u stqarr li dawk kollha li tawha l-fiduċja żgur mhux se tiddiżappuntahom.
Dawn il-ħames kandidati se jkunu kollha uċuh ġodda f’isem il-Partit Nazzjonalista f’din il-leġislatura. Dawn il-karigi ġodda jġibu magħhom tibdil anke fuq livell ta’ Kunsilli Lokali fejn il-Partit Nazzjonalista issa għandu tliet sindki ġodda.
Keith Cassar jieħu post Ivan Bartolo bħala Sindku tal-Mosta, Anne Marie Muscat Fenech Adami tieħu post Maria Deguara bħala Sindku tan-Naxxar u Alessia Psaila Zammit issir l-ewwel Sindku mara tas-Siġġiewi minflok Karol Aquilina.
//= $special ?>