Futbol Sport

Il-FIFA tibda proċeduri dixxiplinarji kontra Juventus fuq it-trasferiment ta’ Pogba

L-aġent Mino Raiola flimkien ma' Paul Pogba meta kien ma' Juventus

L-ogħla assoċjazzjoni tal-futbol fid-dinja kkonfermat li mhux se tiftaħ proċeduri dixxiplinarji kontra Manchester United dwar it-trasferiment ta’ Paul Pogba mar-Red Devils mingħand Juventus. Il-FIFA xahar ilu talbet għal aktar informazzjoni lil Manchester United u Juventus dwar it-trasferiment tal-Franċiż wara li rapporti qalu li l-aġent Mino Raiola  daħħal kważi €50 miljun mit-trasferiment.

Wara investigazzjoni informali, Manchester United bħalissa mhux se jkunu qed jiffaċċjaw passi dixxiplinarji, filwaqt li l-FIFA bdiet proċeduri kontra Juventus. Kelliem għal FIFA kkonferma li bdew proċeduri dixxiplinarji kontra l-klabb Taljan, iżda ma tax aktar dettalji minħabba li l-proċeduri għadhom għaddejjin. Minn naħa l-oħra l-kelliem tal-FIFA kkonferma li ma nfetħet l-ebda proċedura kontra Manchester United.

Partijiet mill-ktieb “The Football Leaks: The Dirty Business of Football” li ġie ppubblikat fil-Ġermanja f’Mejju li għadda qalu li taw id-dettalji fuq ftehim kbir inkluża kif il-pagament tqassam. It-trasferimenti internazzjonali kollha jridu jkunu awtorizzati mill-FIFA, għalhekk it-trasferiment ta’ Pogba kien approvat permezz ta’ dik li tissejjaħ it-Transfer Matching System (TMS).

Manchester United insistew li l-FIFA rċevew id-dokumenti relevanti kollha minn meta t-trasferiment kien finalizzat. F’reazzjoni għal din l-aħbar, Juventus tkellmu fil-media Taljana u qalu li hi sempliċiment att formali ta’ avviż fuq dak li sar fil-ġimgħat li għaddew. Jekk din il-proċedura ssib lil Juventus ħatja, iċ-Champions Taljani jistgħu saħansitra jkollhom suq tat-trasferimenti blokkat.