Lokali

Il-Kamra tal-Periti b’sejħa urġenti għal Regolamenti tal-Bini

Il-Kamra tal-Periti tirreferi għall-artiklu li deher fil-paġna ta’ quddiem ta’ Times of Malta tal-21 ta’ Ġunju, 2017 fejn qed jiġu rrappurtati l-veduti tal-President tal-Kamra tal-Inġiniera dwar is-sigurta’ kontra n-nirien, fid-dawl tat-traġedja ta’ Grenfell Tower.

Il-Kamra tal-Periti saħqet li tappoġġja bis-sħiħ is-sejħa għal Regolamenti tal-Bini xierqa. Dan b’referenza għall-istqarrija li ħareġ il-President tal-Kamra tal-Inġiniera dwar is-sigurtà kontra n-nirien fid-dawl tat-traġedja ta’ Grenfell Tower.

Il-KTP, saħqu li matul dawn l-aħħar snin, wettqu stqarrijiet pubbliċi u lobbying kontinwu ma’ gvernijiet suċċessivi, sabiex l-Uffiċċju għar-Regolamentazzjoni tal-Bini (BRO) jissaħħaħ, u jingħata ir-riżorsi neċessarji sabiex Malta finalment ikollha regolamenti tal-bini moderni u xierqa, li jkopru l-aspetti kollha ta’ saħħa u sigurta’ li jolqtu ‘l-pubbliku. Madanakollu, spjegaw li l-politiċi sabuha diffiċli jifhmu d-distinzjoni bejn ir-regolamenti u l-kontroll tal-bini minn dak li jikkonċerna l-proċess tal-ippjanar. Il-Kamra tal-Periti sostniet li n-nuqqas t’għarfien dwar l-industrija wassal għal indifferenza dwar il-bżonn ta’ regolamenti tal-bini – sakemm isseħħ xi diżgrazzja u jkun hemm reazzjoni ta’ paniku sabiex l-industrija tindirizzha.

Ġie spjegat ukoll li dan in-nuqqas ta’ għarfien irriżulta fi frammentazzjoni, fejn diversi regolamenti li jaqgħu taħt liġijiet differenti ippruvaw, b’mod dgħajjef, jirregolaw l-industrija tal-bini permezz tal-proċess tal-ippjanar.

B’referenza għas-sigurta’ kontra n-nirien, il-Kamra tal-Periti sostniet li d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili qiegħda fi stadju avvanzat fit-tnedija ta’ regolamenti ġodda, partikolarment wara ż-żjieda fil-bini għoli. Il-Kamra tal-Periti appellat sabiex dawn ir-regolamenti jitpoġġew f’qafas ħolistiku u konsistenti ta’ regolamenti tal-bini, amministrati mill-Building Regulation Office.

Il-Kamra tal-Periti tenniet l-offerta tagħha li tpoġġi r-riżorsi kollha tagħha, sija lokali kif ukoll internazzjonali, għad-dispożizzjoni tal-Gvern Malti sabiex tassisti fit-tfassil ta’ regolamenti tal-bini li għandhom jaqgħu taħt ir-responsabilta’ sħiħa tal-Building Regulation Office, u mneħħija mill-proċessi tal-ippjanar.