Lokali

Il-Kunsill Lokali tal-Birgu mhux se jispara fuq il-ħamiem salvaġġ

Il-Kunsill Lokali tal-Birgu ħabbar li se jabbanduna l-pjan  li jispara u joqtol il-ħamiem salvaġġ fil-lokalità matul il-ġurnata ta’ għada, pjan li rċieva kritika qawwija minn bosta.

Dan hekk kif il-problema tal-ħamiem salvaġġ f’numru ta’ lokalitajiet fil-gżejjer Maltin spiċċat quddiem il-Gvern hekk kif ġie deċiż li hemm bżonn isir studju dwar possibilità li jiġu adottati alternattivi oħra. Dan kollu bil-għan li tiġi kontrollata l-popolazzjoni tal-ħamiem sabiex jiġi evitat l-isparar fi pjazzez u postijiet pubbliċi.

Din mhux problema li nħolqot dan l-aħħar biss, u lanqas hija l-ewwel darba li Kunsill Lokali spara fuq il-ħamiem. Lura f’Lulju tal-2016, f’Ħal Balzan kienu ġew sparati xi tiri fuq il-ħamiem bil-għan li jitnaqqas l-inkonvenjent qawwi f’din il-lokalità.