Erbgħa tfal li jiffurmaw parti minn dik li qed tissejjaħ bħala ‘baby gang’ li spiss jidhru fil-Pjazza ta’ Buġibba, ġew identifikati bħala dawk li aggredew lit-tifel ta’ għaxar snin Gianpiero Cestaro.
Waqt li kien qed jilgħab għall-affari tiegħu, Gianpiero qala’ daqqiet bil-ponn u bis-sieq minn tnejn mill-erba’ membri ta’ din il-klikka u li jidhru fir-ritratt li akkwista Net News. Fir-ritratt, l-agressuri huma t-tnejn fuq il-lemin.
Kien wara li Net News ippubblika l-istorja bil-kummenti ta’ missier il-vittma, li tfal oħra għaddew l-informazzjoni lill-awtoritajiet, bil-Pulizija jirnexxielhom jaslu għall-aggressuri li huma lkoll Maltin.
Jirriżulta li lil Gianpiero, l-erba’ membri ta’ din il-klikka qalulu li spiċċa fil-mira tagħhom għax kien qed jieħu ritratti tagħhom bil-mobile. Madankollu jidher li din hi biss skuża biex jisirqulu l-mobile. Meta rreżista, kissrulu l-mobile u saħansitra komplew ituh meta kien mal-art.
Dawn issejħu fl-għassa tal-Qawra flimkien mal-ġenituri tagħhom u ġew mitkellma mis-Surġent tal-Qawra Ivan Mifsud li ħadem fuq dan il-każ.
F’kummenti lil dan l-istazzjon, missier it-tifel li safa’ aggredit, Enzo Cestaro ddikjara li lest jaħfer lil dawn it-tfal kemm-il darba jiskużaw ruħhom ma’ ibnu għad-danni fiżiċi kif ukoll emozzjonali bl-aġir għal xejn b’xejn tagħhom.
Din hi l-intervista li saret minn Net News qabel kien solvut il-każ.
//= $special ?>