Fetaħ uffiċjalment il-Parlament ġdid tar-Renju Unit b’dak magħruf bħala l-Queen’s Speech – id-diskors tar-Reġina li jelenka l-aġenda tal-Gvern ġdid. Aġenda li kienet dominata mill-Brexit – il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.
Minn 27 abbozz tal-liġi li kienu elenkati, tmienja kienu jikkonċernaw il-Brexit u l-implikazzjonijiet tagħha għall-industrja tal-pajjiż.
Imma proposti oħra ewlenin li kien hemm fil-manifest politiku tal-Partit Konservattiv kienu imwarba wara li dan tilef il-maġġoranza fl-elezzjoni bikrija li saret.
Dan hekk kif il-Konservattivi issa għandhom Gvern ta’ minoranza u għadhom ma assigurawx l-appoġġ tad-Democratic Unionists (DUP), il-partit mill-Irlanda ta’ fuq li lest jagħti l-appoġġ lill-Konservattivi f’votazzjonijiet kruċjali imma biss taħt ċerti kundizzjonijiet.
Anki bl-appoġġ tal-DUP, May se jkollha maġġoranza ta’ 12-il siġġu biss u l-ġimgħa d-dieħla hi se jkollha l-ewwel eżami hekk kif il-Parlament jivvota fuq id-diskors tar-Reġina.
Ir-Reġina kienet akkumpanjata mill-Prinċep Karlu peress li l-lejl ta’ qabel ir-raġel tagħha, il-Prinċep Philip iddaħħal l-isptar.
Din id-darba kien hemm anqas ċerimonji mill-passat. Dan hekk kif ir-reġina marret il-Parlament b’karozza minflok b’karuzella u hi kienet libsa ħwejjeġ normali u mhux dawk ċerimonjali. Dan peress li kienet elezzjoni bikrija u mhux dik skedata u għalhekk ma kienx hemm il-ħin biex isiru t-tħejjijiet li hemm bżonn.
Din kienet l-ewwel darba li saret ċerimonja b’ħafna tradizzjonijiet li tħallew barra mill-1974.
//= $special ?>