L-eks President tal-klabb tal-futbol Qormi F.C. Jesmond Aquilina qed ikun investigat mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol fuq allegazzjonijiet ta’ rranġar ta’ logħba deċiżiva mill-kampjonat lokali.
Dan wara li għand l-MFA wasal recording qasir li ttieħed bil-moħbi waqt laqgħa tal-kumitat u li Net News qed jiżvela.
Sadattant Jesmond Aquilina mistenni jinħatar awtomatikament Sindku ta’ Ħal Qormi wara li Rosianne Cutajar ġiet eletta bħala membru parlamentari fl-elezzjonijiet każwali. Aquilina jieħu din il-kariga hekk kif hu kien jokkupa l-kariga ta’ Viċi Sindku tal-istess lokalità.
Il-logħba inkwistjoni hi d-decider bejn Qormi u Vittoriosa Stars (il-klabb tal-Birgu), li ntlagħbet fl-10 t’April 2011 u kienet intemmet bi skor ta’ 2-2. Fl-aħħar minuti tal-logħba, Vittoriosa F.C. saħansitra fallew penalty, wara li x-xutt ta’ Edison Luis Dos Santos intlaqa’ mill-goalkeeper. Dan bil-konsegwenza li Vittoriosa Stars sfaw relegati għall-Ewwel Diviżjoni, waqt li Qormi rnexxielhom jibqgħu fil-Kampjonat Premier.
Dwar din il-logħba, għal xhur sħaħ kienu jiġru xnigħat u allegazzjonijiet li l-logħba setgħet kienet imbagħbsa. Madankollu r-recording għadda għand l-MFA u għand Net News fl-aħħar jiem.
Dan hu każ partikolari għaliex filwaqt li spiss nisimgħu b’allegazzjonijiet ta’ match fixing, din hi l-ewwel darba li hemm dawn it-tip ta’ provi.
L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol, l-MFA, ikkonfermat lil Net News li bdiet investigazzjoni fuq il-klabb ta’ Qormi F.C. wara li għadda għandha filmat fejn jinstemgħu uffiċjali tal-klabb jammettu li għaddew flus biex jixtru u jirranġaw logħba mill-kampjonat lokali.
Ir-recording fil-pussess ta’ Net News jintemm ħesrem wara biss ftit sekondi, iżda ninsabu nfurmati minn sorsi qrib l-investigazzjoni li l-MFA fittxet u akkwistat ukoll ir-recording sħiħ tal-istess laqgħa tal-Kumitat ta’ Qormi F.C.
Matul l-aħħar jiem issejjaħ Jesmond Aquilina għand l-MFA biex jagħti x-xhieda tiegħu, waqt li bdew jissejħu wkoll diversi persuni li kellhom x’jaqsmu mal-klabbs rispettivi u oħrajn li jistgħu jixħtu dawl fuq dan il-każ.
Kien biss fl-aħħar jiem li Jesmond Aquilina waqaf mill-kariga tiegħu ta’ President ta’ Qormi F.C. biex minfloku nħatar Victor Camilleri. Net News mhux infurmat jekk il-membri l-oħra tal-Kumitat preżenti hux infurmati bl-investigazzjonijiet li għaddejjin fil-klabb iżda Camilleri hu għal kollox estranju mill-investigazzjoni.
Għalkemm Net News mhux f’pożizzjoni li jikkonkludi li l-investigazzjoni fil-konfront tiegħu kinitx ir-raġuni għaliex Jesmond Aquilina ma kompliex bħala President ta’ Qormi F.C., wieħed għad irid jara jekk hux se jżomm il-kariga ta’ Sindku ta’ Ħal Qormi.
Jesmond Aquilina qed jiċħad l-akkużi u fi stqarrija ddikjara li l-flus imsemmija ngħataw bħala donazzjoni lill-klabb permezz ta’ ċekk pagabbli lil Qormi F.C. fi żmien meta hu ma kienx membru tal-Kumitat.
//= $special ?>

