Futbol Sport

Mourinho jiddefendi l-allegazzjonijiet li evada t-taxxa

Josè Mourinho jinsab akkużat li evada €3.3 miljun

Il-manager ta’ Manchester United Josè Mourinho ddefenda l-istorja tat-taxxa tiegħu fi Spanja wara li l-awtoritajiet Spanjoli ħarġu allegazzjonijiet ta’ frodi kontrih. Ilbieraħ, prosekutur f’Madrid qal li l-Portugiż għandu jagħti €1.6 miljun ta’ taxxa fl-2011 u €1.7 miljun fl-2012, dwar drittijiet tal-immaġini meta kien imexxi lil Real Madrid.

Iżda fi stqarrija mir-rappreżentanti ta’ Mourinho, Gestifute, qalu li Mourinho ma rċieva l-ebda notifika dwar każ kontrih filwaqt li ppubblikaw ċertifikat mill-awtoritajiet tat-taxxa Spanjola fejn insistew li Mourinho ħalla aktar minn €26 miljun f’taxxa fit-tliet snin li għamel fi Spanja.

“Josè Mourinho ma rċieva l-ebda notifika dwar l-aħbar li ħarġet. Sa din il-ġurnata, la l-awtorità tat-taxxa Spanjola u l-anqas il-prosekutur pubbliku  li kienu fil-proċess ma għamlu kuntatt ma’ Josè Mourinho jew l-avukati tiegħu.”

L-istqarrija kompliet tgħid li Mourinho li għex fi Spanja bejn Ġunju tal-2010 u Mejju tal-2013, ħalla aktar minn €26 miljun f’taxxa b’rata medja ta’ 41%, u qalu li aċċetta l-proposti ta’ regolarizzazzjoni mill-awtoritajiet tat-taxxa Spanjola fl-2015 dwar is-snin 2011 u 2012, u daħal fi ftehim dwar l-2013. L-istqarrija sostniet li l-gvern Spanjol permezz tad-dipartiment tat-taxxa, ħareġ ċertifikat li jiddikjara li Mourinho rregolarizza l-pożizzjoni tiegħu fuq l-obbligazzjonijiet tat-taxxa.

L-allegazzjonijiet kontra Mourinho jsegwu dawk li saru kontra Cristiano Ronaldo mill-awtoritajiet tat-taxxa Spanjola l-ġimgħa l-oħra, li skont rapporti fil-media qed jgħidu li wasslu lil Cristiano Ronaldo li jrid jitlaq minn Spanja.