Lokali

FILMAT: Nar qawwi fl-inħawi ta’ San Ġwann; jinqerdu mill-inqas tliet ‘bendybuses’

Għalqa fil-limiti ta’ San Ġwann inħakmet minn nirien qawwija, li wasslu għall-qerda ta’ mill-anqas tliet ‘bendybuses’ li kienu jintużaw mill-kumpanija Arriva.

Id-daħna kienet waħda kbira u setgħet tidher minn diversi partijiet madwar Malta. In-nirien bdew għall-habta ta’ 12pm u mill-informazzjoni li kiseb NETNews.com.mt jirriżulta li fil-ħin tan-nirien, ma kien hemm ħadd fl-għalqa.

Madankollu, jidher li n-nirien kienu ffukati fuq żona qrib il-‘bendybuses’, li ilhom f’din l-għalqa għal numru ta’ snin.

Fil-post waslu numru kbir ta’ membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, bil-ħidma ħadet numru konsiderevoli ta’ sigħat biex setgħu jkunu kkontrollati n-nirien.

Fortunatament, ħadd ma weġġa’ fl-inċident.