Lokali

Permess għal bini ta’ 4 vilel f’żona ODZ fil-Kalkara

L-Għaqda Ambjentali Flimkien Għal Ambjnet Aħjar, l-FAA qed tagħti s-sostenn kollu tagħha lir-residenti li joqogħdu fl-inħawi ta’ Santu Rokku, fil-Kalkara. Dan hekk kif inħareġ permess mill-Awtorita’ tal-Ippjanar biex jinbnew erbgħa vilel kbar f’żona li hi ‘il barra mil-Iżvilupp. L-FAA qed tgħid li dan hu skandlu u fuq kollox il-permess inħareġ għad-detriment tal-wirt naturali ta’ pajjiżna.

Jirriżulta li l-permess inħareġ xahar ilu minkejja li l-case officer issuġerixxa li l-applikazzjoni għall-permess ma tkunx approvata. Dan hekk kif l-applikazzjoni kienet tikser numru ta’ policies tal-Awtorita’. Minkejja dan l-applikazzjoni għal dawn l-erbgħa vilel ġiet approvata.

Fi stqarrija l-FAA qalet li jekk l-affarijiet jibqgħu sejrin hekk u jekk id-deċiżjoni għal bini fiż-żona ta’ Santu Rokku fil-Kalkara, ma titreġġax lura se jkollha titlob għal investigazzjoni għal mod ta’ kif qed jittieħdu d-deċiżjoni fi ħdan l-Awtorita’ għall-Ippjanar għad-detriment tad-drittijiet taċ-ċittadini u għad-detriment ta’ ġenerazzjonijiet futuri.