Lokali

Studju juri li l-Maltin u l-Għawdxin qed jattendu aktar għal attivitajiet kulturali

Skont statistika ġdida dwar il-parteċipazzjoni kulturali maħruġa fl-2016 mill-Kunsill Malti għall-Arti, 91% mill-popolazzjoni adulta ta’ Malta ħadet sehem f’attività kulturali. L-istħarriġ fuq il-popolazzjoni sar mill-Uffiċju Nazzjonali għall-Istatistika f’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Valletta 2018.
 
L-istħarriġ juri l-livelli ta’ parteċipazzjoni skont l-età, ir-reġjun u l-livell ta’ edukazzjoni milħuq.

L-ogħla persentaġġ u l-akbar attendenza ntlaħqu bil-festi parrokkjali b’attendenza ta’ 67%.

Iż-żfin kellu parteċipazzjoni fqira b’attendenza ta’ 12%. Is-swali taċ-ċinema rreġistraw attendenza ta’ 42%, is-siti storiċi kellhom 35% u l-mużewijiet 30%. L-attendenza fit-teatru kienet ta’ 32% fejn l-aktar ġeneru li jinżel tajjeb man-nies huwa dak tal-kummiedja waqt li l-kunċerti rreġistraw attendenza ta’ 32%. Il-mużika pop tibqa’ l-iktar ġeneru mużikali predominanti fil-preferenza tan-nies. 44% jaqraw mill-inqas ktieb wieħed fejn ir-rumanz jispikka bħala l-iktar ġeneru favorit waqt li 20% żaru l-librerija.  

L-istudju juri li 57% jaqblu li minħabba impenji oħra fil-ħajja ma jsibux ħin għal avvenimenti kulturali jew artistiċi u 31% jemmnu li ħafna nies huma soċjalment esklużi minn opportunitajiet kulturali. Filwaqt li 62% jaqblu li l-flus ta’ min iħallas it-taxxi għandhom imorru għall-finanzjament ta’ inizjattivi fl-arti u l-kultura, 30% ma jiddejqux jiddedikaw il-ħin tagħhom biex jgħinu xi organizzazzjoni kulturali jew tal-arti u 32% jaqblu li l-arti u l-kultura huma essenzjali fil-ħajja tagħhom.