L-attakkant Spanjol Diego Costa qal lil Atletico Madrid li jrid jerġa’ jingħaqad magħhom. Dan skont rapporti fil-media Ingliża. Il-plejer ta’ Chelsea żvela fit-8 ta’ Ġunju li rċieva messaġġ mill-manager Antonio Conte fejn qallu li ma kienx aktar għadu fil-pjanijiet tat-tim tal-istaġun li ġej.
Jekk Costa jerġa’ jmur ma’ Atletico, dan ma jkunx jista’ jilgħab sa Jannar għaliex il-FIFA ssospendiet lill-klabb milli jirreġistra plejers f’dan is-suq tat-trasferimenti. Costa li għandu 28 sena, kien importanti fir-rebħ tal-kampjonat ta’ Chelsea u skorja 20 gowl f’35 logħba.
Il-klabb minn Londra kien iffirma lil Costa mingħand Atletico Madrid tliet snin ilu għal somma ta’ madwar €36 miljun meta Josè Mourinho kien manager tal-klabb. Wara d-draw ta’ Spanja kontra l-Kolombja fil-bidu tax-xahar, Costa kien qal li hu plejer ta’ Chelsea, iżda l-klabb ma jriduhx jibqa’.
“Antonio Conte qalli b’messaġġ li mhux qed joqgħod fuqi għall-istaġun li ġej. Hi ħasra. Jien diġà għaddejt il-messaġġ lin-nies tal-klabb biex jiddeċiedu, imma hu ċar li l-kowċ ma jridx li jien nibqa’ hawn,” qal Costa. L-internazzjonali Spanjol dejjem wera x-xewqa li xi darba jirritorna ma’ Atletico fejn lagħab bejn l-2010 u l-2014.
Conte ripetutament qal waqt l-istaġun li ma setax jiggarantixxi li Costa se jibqa’, iżda Conte kompla jagħżel mill-bidu lill-aqwa skorer tiegħu sa tmiem l-istaġun tiegħu. Costa falla l-logħba kontra Leicester f’Jannar wara li l-istazzjon Sky fl-Ingilterra kien irraporta argument ta’ Costa ma’ Conte fejn il-kowċ Taljan kien qallu biex imur iċ-Ċina.
//= $special ?>