Il-Qorti bdiet tisma evidenza relatata ma’ operazzjoni ta’ qabda ta’ droga li nhar il-Ħadd li għadda wasslet biex koppja Belġjana u żewġ xufiera tat-taxi Maltin kienu allegatment involuti fi traffikar ta’ madawar 10 kilogrammi ta’ kokaina.
Il-Belġjani Carine Rose-Marijke Donckers, ta’ 51 sena u Johnny Jos Haest ta’ 46 sena ammettew l-involivment tagħhom u nżammew arrestati. Il-kompliċi fil-każ m’ammettewx u wkoll inżammew arrestati.
Jason Mamo ta’ 37 sena minn Birkirkara u Mario Vella ta’ 41 sena minn Ħal Safi, jinsabu akkużati f’dan il-każ li fih membri tat-Taqsima tal-Pulizija Kontra d-Droga xehedu kif nhar il-Ħadd li għadda l-pulizija segwew Seat Ibiza li waslet minn Pozzallo.
Il-koppja Belġjana kienu segwiti sa lukanda f’San Ġiljan fejn kienu alloġġjati. Filgħaxija l-pulizija komplew josservaw lill-koppja fejn għall-ħabta tal-11 p.m. xufier ta’ taxi kien innotat viċin il-mini ta’ San Ġiljan. Ix-xufier kien Mario Vella li twaqqaf mill-pulizija ħdejn Mater Dei. F’barżakka fit-taxi nstabu blokki bojod filwaqt li aktar tard blokka simili kienet misjuba fil-kamra tal-kukanda tal-koppja Belġjana.
Ix-xufier tat-taxi ċaħad li hu kien jaf bil-blokki u qal li hu kellu struzzjonijiet mingħand Jason Mamo biex jiġbor passiġġier minn lukanda f’San Ġiljan. Kien dan ir-raġel li ħalla l-barżakka fit-taxi. F’dak il-mument iċ-ċellulari ta’ Vella beda jdoqq bin-numru jkun dak ta’ omm Jason Mamo.
Jirriżulta li l-koppja Belġjana qalet lill-pulizija li l-moħħ wara dan it-traffikar kien Belġjan li kien ħallsahom €10,000 biex iġibu 5kg kokaina f’Malta. L-ewwel konsenja kienet waslet Malta f’April. It-tieni konsenja ta’ 10kg waslet Malta l-Ħadd li għadda u l-koppja kienu se jdaħħlu €10,000 oħra.
L-akkużat Haest identifika lill-akkużati fir-ritratti murija lilu mill-pulizija għalkemm is-sieħba tiegħu ma għarfithomx għax qatt ma kellmithom.
//= $special ?>


