Lokali

FILMAT: Laqgħa b’urġenza mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi

Jgħid li ta donazzjoni lill-klabb imma ma jgħidx għaliex qal li “Alla ħares dawn l-affarijiet jissemmew fil-Qorti”

Il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi se jitlaqqa’ b’urġenza għada fis-sitta ta’ filgħaxija biex ikun hemm l-aċċettazzjoni ta’ Jesmond Aquilina bħala Sindku. Dan wara li serva bħala viċi Sindku f’din il-leġiżlatura.

Dan hekk kif it-Tlieta, is-Sindku Rosianne Cutajar ġiet eletta fil-Parlament fil-by election li saret fiċ-Ċentri tal-Għadd tal-Voti għall-kandidati Laburisti.

Il-korrispondenza lill-Kunsilliera ntbagħtet fl-istess ġurnata li l-ġurnal in-Nazzjon żvela li għaddejja investigazzjoni fil-konfront tal-istess Aquilina mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol (MFA) dwar akkużi ta’ tixħim u match fixing .

L-investigazzjoni kienet ikkonfermata f’risposti uffiċjali tal-MFA lill-ġurnal in-Nazzjon u tirrigwardja logħba deċiżiva bejn Qormi u Vittoriosa Stars (il-klabb tal-Birgu), li ntlagħbet fl-10 t’April 2011 u kienet intemmet bi skor ta’ 2-2. Fl-aħħar minuti tal-logħba, Vittoriosa FC saħansitra fallew penalty, wara li x-xutt ta’ Edison Luis Dos Santos intlaqa’ mill-goalkeeper avversarju.

Minkejja li din il-logħba ntlagħbet sitt snin ilu, l-investigazzjoni bdiet wara li għand l-MFA wasal recording qasir li ttieħed bil-moħbi waqt laqgħa tal-kumitat. Jesmond Aquilina jinstema’ jgħid dan il-kliem eżatt: “F’mument minnhom għaddejt €3,000 lil membru tal-Kumitat, u allaħares joħorġu fil-Qorti dawn l-affarijiet biex nirbħu l-logħba kontra l-Birgu, li kienet spiċċat bil-penalty.”

Jesmond Aquilina qed jiċħad l-akkużi u f’post fuq facebook iddikjara li l-flus imsemmija ngħataw bħala donazzjoni lill-klabb permezz ta’ ċekk pagabbli lil Qormi F.C. fi żmien meta hu ma kienx membru tal-Kumitat.

Iżda minkejja li kiteb sensiela ta’ statuses fuq Facebook biex igiddeb lil In-Nazzjon, Jesmond Aquilina fl-ebda ħin ma spjega għaliex fil-laqgħa tal-Kumitat u qal li “allaħares joħorġu fil-Qorti dawn l-affarijiet” eżatt wara li kien iddikjara lill-Kumitat li ħallas €3,000 “biex nirbħu l-logħba kontra l-Birgu.”

Kif ammetta fi status minnhom Jesmond Aquilina stess, huma ħafna dawk il-membri u partitarji li jgħaddu donazzjonijiet lill-klabbs rispettivi, u f’dan m’hemm xejn illegali jew irregolari. Għalhekk wieħed jistaqsi għaliex hu “allaħares li joħorġu fil-Qorti dawn l-affarijiet”?

Jesmond Aquilina ddikjara li kkopera bis-sħiħ mal-MFA, li matul il-jum tal-bieraħ kompliet issejjaħ lil persuni diversi biex jixhdu u jikkoperaw fl-investigazzjoni.