Lokali

FILMAT: Raġel imut wara li jaqa’ erba’ sulari

L-operazzjoni biex ikun irkuprat il-katavru tal-vittma tieħu fit-tul minħabba nuqqas ta' aċċessibiltà

Aġġornata bi kjarifika mill-Port Ħieles

Raġel li kien qed jagħmel xi xogħlijiet fuq vapur f’Birżebbuġa tilef ħajtu wara li waqa għoli ta’ erba’ sulari minn fuq il-vapur stess.

L-inċident seħħ għall-ħabta tal-ħamsa neqsin għaxra ta’ filgħodu f’Terminal 2 tal-Port Ħieles, fejn kien hemm il-bastiment MSC Ravenna, li fuqu kien hemm il-vittma ta’ nazzjonalità Filippina.

Fil-ħin tal-inċident, kienet qed issir operazzjoni ta’ ‘refuelling’ tal-bastiment. Ir-raġel, ta’ 57 sena, kien parti mill-ekwipaġġ tal-istess bastiment.

Għalkemm l-operazzjoni ta’ ‘refuelling’ tal-bastiment ma kelliex x’taqsam mal-operat tal-Port Ħieles, xorta waħda ġew infurmati s-servizzi tal-emerġenza mill-Port Ħieles, fosthom infermier tal-Port Ħieles stess. Madanakollu, dan kollu kien għalxejn hekk kif aktar tard, ir-raġel kien iċċertifikat mejjet fuq il-post.

Minħabba n-nuqqas ta’ aċċessibiltà għall-post fejn waqa’ r-raġel, l-operazzjoni biex kien irkuprat il-katavru damet għaddejja mhux ħażin, tant li l-katavru nħareġ mill-Port Ħieles ftit qabel is-siegħa u nofs ta’ waranofsinhar. Madanakollu, fi stqarrija wara dan ir-rapport, il-Port Ħieles qal fi kjarifika, li dan mhux minnu, u d-dewmien biex inħareġ il-katavru mill-Port Ħieles kien attribut biss għall-fatt l-Pulizija kellhom jawtorizzaw ir-rilaxx tal-ġisem qabel dan jittieħed mill-Port Ħieles. Skont il-Port Ħieles, l-awtorizazzjoni tal-Ispettur tal-Pulizija biex dan isir ingħatat għall-ħabta tan-nofs siegħa.

Fil-ħin tal-inċident marru wkoll Pulizija mid-Distrett. Filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin, bil-każ ġie nfurmat il-Maġistrat tal-Għassa Grazio Mercieca, li ordna li ssir inkjesta bis-sehem ta’ diversi esperti li qed jassistuh.

Fi stqarrija, it-tmexxija tal-Port Ħieles bagħtet il-kondoljanzi lill-qraba tal-membru tal-ekwipaġġ tal-bastiment li tilef ħajtu.

MSC Ravenna, il-bastiment li minn fuqu waqa’ r-raġel (Ritratt: Martin Agius)
Ritratt: Martin Agius