Futbol Sport

Frank de Boer viċin li jinħatar manager ta’ Crystal Palace

Frank de Boer kien ilu mingħajr kariga minn Novembru 2016

Wara t-tluq tal-kowċ Sam Allardyce, Crystal Palace jinsabu viċin li jaħtru lil Frank de Boer bħala l-manager il-ġdid tagħhom. L-eks plejer internazzjonali Olandiż li għandu 47 sena, kien offrut din il-kariga u n-negozjati jinsabu fi stadju avvanzat.

Hu mifhum li De Boer hu l-ewwel għażla taċ-Chairman ta’ Crystal Palace Steve Parish u għamel kuntatt mal-klabb biex jgħarrafhom bl-għażla tiegħu. De Boer se jkollu l-istess missjoni ta’ Allardyce, dik li jrid isalvat lit-tim mir-relegazzjoni.

De Boer li lagħab 112-il logħba mat-tim nazzjonali Olandiż bħala plejer, kien ilu bla kariga minn Novembru li għadda wara li tkeċċa minn Inter wara biss 85 ġurnata fil-kariga. Bejn l-2010 u l-2016, hu mexxa lil Ajax fejn rebaħ erba’ kampjonat konsekuttivi bejn l-2011 u l-2015. Hu kien irriżenja wara li kien falla l-ħames kampjonat għas-spejjeż ta’ PSV fl-aħħar ġurnata tal-kampjonat.

De Boer jidher li ħalla impressjoni tajba lit-tmexxija ta’ Palace bit-tagħrif tal-klabb u l-viżjoni ta’ futbol tiegħu. Intqal li r-rispett u l-umiltà li wera kien importanti speċjalment meta wieħed iqis kemm rebaħ bħala plejer.

L-eks difensur ta’ Ajax, Barcelona u Rangers jidher li kkometta ruħu li jagħti ċans lill-plejers preżenti qabel ma jiddeċiedi dwar l-akkwisti l-ġodda. Palace investew mhux ftit fl-aħħar swieqi tat-trasferimenti, iżda se jagħtu l-appoġġ lil De Boer u tkellmu miegħu dwar il-baġit li għandhom.