Appell lill-pubbliku biex jgħin frieħ tal-Garnija li jistgħu jispiċċaw diżorjentati huma u jtiru għall-ewwel darba.
Fl-aħħar jiem, żewġ frieħ tal-Garnija (Yelkouan Shearwaters) ġew salvati minn BirdLife Malta wara li nstabu maqbudin fuq l-art fil-bajja tal-Għadira u f’Buġibba.
Fi stqarrija BirdLife Malta sostniet li f’dan iż-żmien tas-sena, minn Ġunju sa nofs Lulju, frieħ ta’ dan l-għasfur tal-baħar ikunu qed iħallu l-bejta għall-ewwel darba biex jagħmlu l-ewwel titjira tagħhom minn fuq l-irdumijiet. Dawn l-għasafar żgħar itiru għall-ewwel darba matul il-lejl u jużaw id-dawl tal-orizzont bħala gwida biex isibu triqithom ’il barra mill-kosta għal fuq il-baħar. Madanakollu, BirdLife Malta spjegaw li teżisti l-probabilità li wħud minn dawn il-frieħ jispiċċaw diżorjentati kaġun tat-tniġġis mid-dawl f’zoni urbani u minflok, jispiċċaw maqbudin fuq l-art fl-ewwel titjira tagħhom. Dan iwassal biex ħafna minnhom jinstabu maqbudin f’toroq, xtut, portijiet, bliet u rħula, u zoni oħra urbani fejn ikun hemm ħafna dawl, f’diffikultà biex itiru lura lejn il-baħar.
Minkejja li f’Malta nsibu madwar 10% tal-popolazzjoni dinjija tal-Garnija il-popolazzjoni ta’ din l-ispeċi qed tonqos, bl-akbar theddida ġejja mit-tniġġis mid-dawl. Buġibba, il-Qawra, il-Mellieħa, is-Salina u ċ-Ċirkewwa huma s-sorsi prinċipali ta’ dan it-tniġġis u jippreżentaw l-akbar periklu għall-kolonji tal-Garni li hemm fil-Gżejjer ta’ San Pawl, Kemmuna u l-Irdum tal-Madonna fejn insibu l-akbar kolonja ta’ dan l-għasfur f’Malta.
BirdLife Malta insistiet li kull sena, ħafna minn dawn l-għasafar tal-baħar jinqabdu fuq l-art u b’hekk jispiċċaw f’sitwazzjoni vulnerabbli bil-periklu li jispiċċaw mgħaffġin minn karozzi jew li jiġu attakkati minn annimali oħra. Il-proġett LIFE Arċipelagu Garnija ta’ BirdLife Malta qed jaħdem biex inaqqas kemm jista’ jkun limpatt tat-tniġġis mid-dawl qrib il-kolonji ħalli jkun żgurat il-ħarsien ta’ dan lgħasfur tal-baħar.
L-eNGO saħqet li l-assistenza tal-pubbliku hija essenzjali hekk kif wieħed għandu jirrapporta il-każi li BirdLife Malta tista’ tkun f’pożizzjoni li ssalva lil dawn il-frieħ li jiġu f’diffikultà u teħlishom mill-ġdid matul il-lejl f’postijiet ħielsa minn kull periklu biex ikunu jistgħu jkomplu bil-vjaġġ tagħhom fuq il-baħar.
Dan filwaqt li ħeġġew lill-pubbliku li jekk issib ferħ tal-Garnija f’diffikultà, persuna għandha ċċempel lill-BirdLife Malta minnufih u tpoġġi l-għasfur f’kaxxa tal-kartun f’post mudlam sakemm ikun jista’ jinġabar.
//= $special ?>
