Formula 1 Sport

Hamilton jgħid li jista’ jiddeċiedi li jieqaf fi tmiem il-kampjonat

Lewis Hamilton itemm fuq quddiem fit-tieni sessjoni

Is-sewwieq tal-Formula 1 Lewis Hamilton mhux qed jeskludi li jsegwi lill-eks sieħbu Nico Rosberg u jirtira fi tmiem dan l-istaġun, fejn qal li jekk jiġri hekk ma jkunx bidel il-legat tiegħu.

Il-kuntratt eżistenti tat-tliet darbiet Champion tad-Dinja jiskadi fl-2018, minkejja li fil-passat kien qal li jiffirma kuntratt ieħor fil-Formula 1 li tarah jikkompeti meta jkun daħal sew fit-tletinijiet tiegħu.

Iżda, waqt li kien qed jitkellem mal-magazine tal-FIA Auto, Hamilton ammetta li ma jaħsibx li l-legat tiegħu fl-isport ikun affettwat jekk jieqaf din is-sena. “Id-destin hu f’idejja. Nista’ niddeċiedi li nieqaf fi tmiem l-istaġun. Dak ifisser li l-legat tiegħi jkun anqas minn dak li se jkun jekk nieqaf ħames snin oħra?” qal is-sewwieq ta’ 32 sena.

Rosberg u Hamilton għamlu erba’ snin flimkien mal-Mercedes qabel mal-Ġermaniż irtira fi tmiem l-istaġun li għadda wara li rebaħ l-ewwel kampjonat tiegħu. “Nista’ nissimpatizza ma’ Rosberg u nifhem verament f’xi drabi, il-ħsieb li tkun trid tieqaf u tagħmel xi ħaġa differenti. Kultant ikolli ħsieb x’nagħmel wara li nieqaf mill-Formula 1. Imbagħad nara l-karozza u nibda naħseb li nibqa’. Ma nafx kemm se nibqa’, imma għadni kompetittiv u għadni nsuq fl-aqwa tiegħi.”

Hamilton qal ukoll li ma jarax differenza bejn il-karozzi tas-sena l-oħra u din is-sena apparti l-veloċità minkejja t-tibdil fir-regolamenti. Iżda hu ammetta li kien qed jieħu gost bil-kompetizzjoni li hemm, bil-Brittaniku jinsab biss 12-il punt wara Sebastian Vettel.